Futbol Sport

10 SNIN ILU: Valletta jirbħu l-unur fl-okkażjoni tal-100 anniversarju mill-ewwel kampjonat tal-MFA

(Ritratt: In-Nazzjon)

13 TA’ APRIL 2010

Tripletta ta’ Michael Mifsud għenet lil Valletta biex jegħlbu lil Floriana 3-1 u jirbħu l-unur uniku fl-okkażjoni tal-100 anniversarju mill-ewwel kampjonat. Din il-finali kienet ripetizzjoni tal-finali milgħuba fit-13 ta’ Diċembru tal-2000. Dakinhar il-finali kienet fl-okkażjoni tal-100 anniversarju mit-twaqqif tal-MFA, b’Valletta joħorġu rebbieħa kontra Floriana wkoll bl-iskor ta’ 3-1. Dan kien l-ewwel unur mirbuħ mill-kowċ Olandiż Ton Caanen fl-ewwel staġun tiegħu.

Il-Beltin fetħu l-iskor wara erba’ minuti meta Roderick Briffa għadda b’daqqa ta’ ras ‘l quddiem, b’MICHAEL MIFSUD jieħu vantaġġ minn inċertezza fid-difiża Furjaniża, qabeż lil Bernard Paris u skorja minn pożizzjoni angolata. It-tieni taqsima fetħet bl-aħjar mod għal Valletta. Huma rduppjaw fis-47 minuta b’MICHAEL MIFSUD jegħleb lil Paris minn rebound wara li xutt b’saħħtu fil-baxx ta’ Jamie Pace kien salvat parzjalment.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Floriana daħlu fil-logħba fis-87 minuta b’xutt fil-baxx minn 25 metru ta’ PABLO DOFFO, b’Nicky Vella jibqa’ jħares lejn il-ballun dieħel fix-xibka. Bi ftit minuti għal tmiem il-logħba, Floriana xeħtu kollox fuq l-attakk biex jippruvaw isalvaw il-logħba. Iżda żewġ minuti wara, Valletta serrħu rashom mir-rebħa b’kontrattakk li minnu Dyson Falzon xeħet fil-baxx lejn MICHAEL MIFSUD li għaqqad it-tripletta. Lejn it-tmiem, tkeċċa l-midfielder Edmond Agius wara daqqa bis-sieq lil Michael Ghebru. Fi tmiem il-partita, il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Joe Mifsud ippreżenta t-trofew lill-captain ta’ Valletta Gilbert Agius.

(Ritratt: In-Nazzjon)