Futbol Sport

20 SENA ILU: Ronaldo operat f’Pariġi wara li reġa’ qata’ l-ligamenti tal-irkoppa

13 TA’ APRIL 2000

Għoxrin sena ilu l-attakkant Brażiljan Ronaldo reġa’ kien operat f’perjodu mill-aktar negattiv għalih. It-tobba Pariġini kienu kkonfermaw li Ronaldo reġa’ sofra minn qtugħ mill-ġdid tal-ligamenti tal-irkoppa l-leminija. Fit-12 ta’ April, Ronaldo kien irritorna jilgħab wara 144 ġurnata. Hu daħal bħala sostitut waqt il-logħba mill-ewwel leg mill-finali tal-Coppa Italia kontra Lazio fi Stadio Olimpico.

Il-Brażiljan prova jagħmel il-finta tipika tiegħu meta reġa’ sfortunatament weġġa’ hekk kif inxteħet mal-art jibki bl-uġigħ. Hu kellu joħroġ fuq stretcher, bil-folla preżenti tinfexx f’applaws għalih. Ronaldo wasal Pariġi b’titjira fuq l-ajruplan privat tal-President ta’ Inter ta’ dak iż-żmien Massimo Moratti. Hu daħal fil-klinika fost sigurtà kbira u jserraħ fuq il-krozzi.

Ronaldo kien eżaminat mill-Professur Saillant f’Pariġi u hemm kien magħruf l-entità tal-injury tiegħu, bit-tobba ta’ Inter jikkonferma waranofsinhar tat-13 ta’ April li reġa’ kien operat. L-attakkant kien ilu nieqes mill-azzjoni minn Novembru tal-1999. L-eks plejer ta’ Barcelona rritorna Milan sena u ġurnata wara biex jibda l-aħħar fażi tar-rijabilitazzjoni. Hu kien milqugħ fl-ajruport ta’ Malpensa minn numru kbir ta’ ġurnalisti.