Coronavirus Lokali Qorti

30 xahar ħabs wara li ammettiet serq ta’ ġojjelli minn ħames residenzi; oħra tibqa’ siekta u tinżamm arrestata

Nathalie Bonello ta’ 45 sena, li hija dipendenti fuq id-droga ġiet kkundannata 30 xahar ħabs wara li ammettiet li wettqet ħames serqiet ta’ ġojjellerija u deheb minn residenzi ta’ ħames anzjani.

Wieħed ma jistax jikkwantifika l-valur tad-deheb misruq, li żgur ilaħħaq l-eluf ta’ ewro. Ħafna mid-deheb u ġojjellerija misruqa huwa ta’ valur sentimentali u jmur lura għal għexieren ta’ snin

Bonello, li dan l-aħħar kienet qed tgħix Marsaskala ammettiet l-akkużi miġjubin kontriha filwaqt li Jasmine Azzopardi ta’ 43 sena minn Raħal Ġdid, dik li allegatament wettqet is-serq magħha baqgħet siekta, xi ħaġa li għall-Qorti tfisser li qed twieġeb mhux ħatja.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużati nqdew bil-Coronavirus biex daħlu fil-ħames residenzi tal-vittmi. L-Avukat Arthur Azzopardi li deher għal Jasmine Azzopardi ma talabx għal libertà proviżorja tal-klijenta tiegħu li bħal Bonello ġiet mixlija wkoll li saret reċediva u li kisret diversi kundizzjonijiet tal-Qorti.

Huma ġew mixlija li kkommettew żewġ serqiet f’Birkirkara, waħda fuq anzjana ta’ 81 sena u oħra fuq anzjana ta’ 92 sena, serqa oħra f’Santa Venera fuq anzjan ta’ 77 sena u oħra fl-Imsida fuq anzjana ta’ 82 sena flimkien mas-serqa tal-anzjana ta’ 79 sena fl-Imsida.

Mill-istħarriġ li sar mill-Pulizija mmexxija mill-Ispettur Jonathan Ransley irriżulta li fil-każijiet kollha, ż-żewġ nisa arrestati allegatament ħabtu fuq ir-residenzi tal-anzjani jgħidulhom li huma impjegati ma’ aġenziji li joffru servizzi lill-anzjani.

Quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri, l-Ispettur Ransley qal li s-serqiet dejjem saru bl-istess mod. Waqt li allegatament waħda tibqa’ titkellem mal-vittma, l-persuna l-oħra twettaq is-serqa. Kien hemm każijiet fejn dik li twettaq is-serqa titlob lill-anzjana biex tmur sal-bathroom.

Għal darba oħra l-Pulizija qed tappella lill-anzjani u persuni vulnerabbli biex ma jiftħu lil ħadd u ma jdaħħlu lil ħadd fid-dar jekk ma jkunux qed jistennew lil xi ħadd li jafu li se jmur għandhom. Jekk ikollhom suspett għandhom iċemplu mill-ewwel lill-Pulizija fuq in-numru 112.

Fil-jiem illi għaddew, il-Pulizija tad-Distrett ta’ Tas-Sliema komplew bl-investigazzjonijiet intensivi b’rabta mas-serqa li saret fuq anzjana fir-residenza tagħha fl-Imsida, nhar is-7 ta’ April, 2020. Hawn ħareġ li l-erba’ serqiet l-oħra kollha saru bl-istess mod.