Il-Gvern ingħata ċertifikat ieħor ta’ falliment – din id-darba mill-espert ta’ Moneyval għall-Kunsill tal-Ewropa – għall-mod kif mhux jindirizza l-ħasil tal-flus u lanqas jagħmel kwalnukwe forma ta’ infurzar biex jegħleb din l-isfida.
F’Settembru li għadda, il-Gvern ingħata sena ċans biex ifittex soluzzjoni, iżda aktar minn sitt xhur wara, minħabba li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effettiva, pajjiżna qed jiffaċċja l-possibbiltà li jispiċċa fil-lista l-griża.
Minkejja d-diversi rapporti dwar dawn in-nuqqasijiet, Moneyval għadha qed issib ostakli mill-Gvern, li mhux mistennija jkunu megħluba faċilment. Għax f’setturi importanti, bħall-Pulizijja, għad hemm bżonn bidla kbira mill-qigħ, li mhux mistennija titlesta sad-data maqbula bejn iż-żewġ naħat.
Il-fatt li l-Gvern jidher li mhux se jilħaq il-miri miftehma ma’ Moneyval jista’ jfisser daqqa ta’ ħarta serja għall-kompetittività tal-pajjiż. Dan hekk kif, ladarba Malta tispiċċa fil-lista l-griża, ikun ifisser monitoraġġ aktar estensiv fuq il-ġurisdizzjonijiet tagħna mill-aġenzija internazzjonali kontra l-ħasil tal-flus (FATF), li tikkontrolla l-listi.
Fil-lista l-griża tal-FATF s’issa hemm 18-il pajjiż, fosthom l-Albanija u l-Bahamas, filwaqt li fil-lista s-sewda hemm biss żewġ pajjiżi – l-Iran u l-Korea ta’ Fuq. Pajjiżi li jkunu f’dan l-istadju jiġu trattati bħala mhux fdati, tant li huma ta’ theddida għas-sistema finanzjarja internazzjonali.
Ftit li xejn hemm possibbiltà li l-Gvern Malti jkun kapaċi jsolvi dawn l-isfidi waħdu u għalhekk, saru laqgħat mat-tmexxija tal-Ambaxxata Amerikana qabel ma ntalab jintervjeni l-Gvern Amerikan.
//= $special ?>