Internazzjonali

Coronavirus: L-Istati Uniti setgħet salvat ħafna ħajjiet li kieku ħadet miżuri minn qabel

Wieħed mill-ogħla awtoritajiet tas-saħħa fl-Istati Uniti qed jgħid li l-pajjiż ‘seta salva l-ħajja ta’ aktar nies’ li kieku implimenta minn qabel il-miżuri biex iwaqqaf il-firxa tal-coronavirus.

Anthony Fauci, li qed imexxi l-kampanja tal-Istati Uniti għat-trażżin tal-Covid-19, sostna li ‘kieku l-Istati Uniti għalqet il-postijiet mill-bidunett tal-kriżi’ l-affarijiet setgħu jkunu xi ftit differenti. Intant, hu ammetta li deċiżjoni bħal din kienet waħda ftit jew wisq ikkumplikata għall-awtoritajiet.

L-Istati Uniti rreġistrat ‘il fuq minn 555,000 każi tal-virus u 22,000 mewta.

Intant, Fauci sar il-wiċċ ‘pubbliku’ tal-ġlieda tal-Istati Uniti kontra l-coronavirus u deher diversi drabi fil-preżenza tal-President Amerikan, Donald Trump, waqt is-sessjonijiet fil-White House ( ta’ Washington) li qed jaġġornaw lin-nies bl-iżviluppi ta’ din il-kriżi.

Intant, Fauci u Trump qed ikollhom id-diżgwid dwar diversi issues, b’Fauci jippreferi li jaddotta atteġġjament li jibbaża fuq ix-xjenza — bil-President Amerikan qed jidher ikkundizzjonat ‘aktar mit-tama, milli xi evalwazzjoni ta’ persuna awtorevoli’.

Il-Gvern ta’ Trump ħareġ il-gwidi għal social distancing fl-Istati Uniti li jibqgħu effettivi sal-aħħar ta’ April – madankollu hemm id-domandi dwar meta se jitneħħew ir-restrizzjonijiet għall-movimenti tan-nies.

Fl-istess ħin, Donald Trump iċċirkola mill-ġdid messaġġ, fuq Twitter, biex Fauci ‘jitneħħa mit-tmexxija tal-kampanja għal kontra l-coronavirus’. Il-messaġġ ikompli li ‘Fauci kien qed jgħid lin-nies, fid-29 ta’ Frar, li ma kien hemm xejn għalfejn wieħed jinkwieta u li l-coronavirus ma kienx ta’ theddida għall-Amerikani’.

Intant, Fauci qed jinsisti li ħadd ma jista’ jiċħad li miżuri minn qabel, minn sens loġistiku, ‘setgħu salvaw lil ħafna pazjenti (tal-Coronavirus) mill-mewt fl-Istati Uniti’.

Hu ammetta, fl-istess ħin, li hemm diversi fatturi involuti – bħad-daqs u l-eteroġenità tal-pajjiż — fis-sitwazzjoni attwali tal-Istati Uniti. Iżda skont Fauci, xi bnadi tal-pajjiż se jkunu jistgħu jibdew jirritornaw, bil-mod, għan-normalità, fil-ġimgħat li jmiss u ed jistenna li dan, forsi, jibda jseħħ mix-xahar id-dieħel.

Anthony Fauci qed jittama wkoll li ssir xorta waħda l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti, immarkata għat-3 ta’ Novembru – anki jekk il-pajjiż ikollu jaddotta atteġġjament ‘ikkundizzjonat’ għat-tnaqqis tar-restrizzjonijiet għall-elettorat.