Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 6 każi ġodda f’pajjiżna

L-ammont ta’ każi pożittivi ta’ Coronavirus f’Malta issa tela’ għal 384.

Dan wara li f’konferenza stampa l-Professur Charmaine Gauci ħabbret li fl-aħħar 24 siegħa fil-Gżejjer Maltin ġew ittestjati pożittivi 6 persuni oħra minn 1,008 swab li twettaq f’jum l-Għid.

Fosthom mara Norveġiża ta’ 40 sena residenti Malta. Bdiet bis-sintomi fl-24 ta’ Marzu. Ta’ vantaġġ huwa li din il-mara kienet qed taħdem permezz ta’ teleworking.

Raġel min-Nepal ta’ 34 sena li jaħdem Malta. Beda bis-sitomi fl-4 ta’ April u bħalissa għaddejjin bil-contact tracing ta’ fuq il-post tax-xogħol tiegħu u l-istess post fejn kien qed jgħix.

Immigrant Marokkin ta’ 24 sena miċ-Ċentru ta’ Ħal Far huwa każ pożittiv ieħor minn dan il-post.

Malti ta’ 59 sena kellu s-sintomi fl-10 ta’ April u ħareġ pożittiv u għaddejjin bl-investigazzjonijiet fejn jaħdem.

Malti ta’ 32 sena kellu sintomi fi 8 ta’ April, b’sensazzjoni ta’ nuqqas ta xamm u togħma. L-Awtoritajiet għaddejjin bil-contact tracing tal-kollegi fuq il-post tax-xogħol.

Raġel ta’ 34 sena ukoll ittestja pożittiv – l-Awtoritajiet għaddejja bil-contact tracing fuq il-post tax-xogħol

Profs. Charmaine Gauci saħqet li minkejja li ż-żieda hija waħda żgħira, xorta waħda l-pubbliku jrid jibqa’ attent l-għaliex ħafna mill-każijiet m’għandhomx idea mnejn ġej is-sors tal-virus.

Hija saħqet ukoll li nies li jsofru bl-asthma, dawk li juzaw l-inhalers, m’humiex fil-lista tal-vulnerabbli. Madankollu dawk li jieħdu l-isteroids b’mod regolari dawk jaqgħu taħt din il-kategorija.

Is-Suprintendent tad-Direttorat għas-Saħħa Pubblika appellat sabiex jevitaw li joħorġu mingħajr bżonn wara li tul il-ġurnata tal-Ħadd kien hemm mal-104 persuni li ġew immultati minħabba li nqabdu fi gruppi ta’ aktar minn 3.

Profs. Charmaine Gauci kkonfermat li kien hemm każijiet pożittivi fil-fabbrika ST Micro Electronics.

Meta mistoqsija minn NET NEWS, hija kkonfermat li hemm żewġ pazjenti rikoverati fl-Isptar Monte Karmeli li huma proprju pożittivi għall-Coronavirus kif ukoll każijiet pożittivi oħra ta’ ħaddiema fl-istess sptar li ttestjaw pożittiv skont il-contact tracing.

Profs. Charmaine Gauci, minkejja l-ħidma sfieqa tal-frontliners u tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, stqarret li għadu kmieni sabiex ikun jista’ jkollna ħjiel meta f’pajjiżna l-affarijiet jistgħu jibdew jirritornaw lura għan-normal ftit ftit. Dan filwaqt li kkonfermat li l-R-factor f’pajjiżna, kemm persuna infettata tinfetta lil ħaddieħor, qed jaqbeż il-1.

Dwar l-immigranti rregolari li jinsabu bejn sema u ilma, Profs. Gauci saħqet li kemm-il darba dawn jidħlu f’pajjiżna l-Awtoritajiet jinsabu lesti filwaqt li għal darb’oħra preċiżat tgħid li l-aħħar dgħajsa li daħlet Malta, kull persuna abbord fuqha kollha kemm huma ttestjaw negattivi.

Hija kkonfermat ukoll li l-Covid-19 ma jingħatax bejn l-omm u t-tarbija waqt li din tal-aħħar tkun għadha fil-ġuf – b’referenza għal dawk il-każijiet pożittivi ta’ nisa tqal.