Coronavirus Lokali

Evarist Bartolo fuq Facebook wara l-pressjoni fuq il-Gvern kawża tal-immigrazzjoni

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo indirizza lin-nazzjon fuq Facebook wara pressjoni qawwija fuq il-Gvern. Dan kollu wara li l-Kabinett ta’ Robert Abela ddeċieda li jagħlaq il-portijiet għall-immigranti irregolari li qed jaqsmu l-Mediterran mill-kosta Libjana b’numru ta’ tfal u nisa tqal abbord id-dgħajjes.

Ftit tal-ħin biss wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar fuq NET Television li kiteb lil Donald Tusk biex il-kriżi tal-immigrazzjoni tiġi indirizzata fuq livell Ewropew, il-Ministru Bartolo rrepeta dan l-istess ħsieb: “Jekk ser nitħallew niffaċċjaw waħedna din il-kriżi, tfal, nisa tqal u rgiel se jmutu kollha”.

Il-Ministru stqarr li għandha ssir pressjoni fuq livell Ewropew biex tintbagħat Missjoni Umanitarja fil-Libja. Hu rrepeta d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, jiġifieri li żmien il-paroli spiċċa u li l-Unjoni Ewropea issa trid timxi għall-fatti. Ma jistax ikun li pajjiżna jibqa’ jerfa’ l-parti kbira tar-responsabbilità ta’ din il-kriżi umanitarja filwaqt li l-Ewropa, inkluż Malta, qed tikkumbatti l-pandemija tal-Coronavirus.

Evarist Bartolo sostna li Malta lesta tagħti l-għajnuna kollha, anke finanzjarja jekk meħtieġ, biex il-persuni li qed jaħarbu mil-Libja jiġu salvagwardati. Saħaq li din il-pandemija qed tixħet pressjoni mhux biss fuq l-Ewropej, iżda anke fil-Libja, fejn allega li l-Libjani qed iħarbu lill-immigranti mill-kampjijet li jinsabu ffullati.

Il-Ministru sostna li l-Gvern qed jipproponi li l-Unjoni Ewropea toffri pakkett ta’ għajnuna umanitarja fil-Libja li tlaħħaq il-€100 miljun, bil-Gvern Malti lest jilgħab ir-rwol tiegħu, jiġifieri li bħala pajjiż jassisti fix-xiri ta’ apparat mediku biex jingħata trattament ta’ saħħa fil-Libja.

Il-Ministru tal-Affarijit Barranin saħaq li l-Ewropa tinsab fi kriżi eżistenzjali u l-NGOs huma parteċipi f’din it-traġedja ta’ traffikar tal-bniedem.

Sadanittant, ta’ min jinnota li ħadd mill-ġurnalisti ma irċieva sejħa uffiċjali (press call) qabel twassal dan il-Komunikat u għalhekk, għal darb’oħra, ma kien hemm l-ebda opportunità li l-ġurnalisti jistaqsu direttament lill-membru tal-Kabinett minkejja s-sensittività tas-sitwazzjoni.