Coronavirus Internazzjonali Saħħa

Iktar minn 1.8 miljun każ madwar id-dinja

  • In-numru ta’ vittmi jaqbżu 113,000
  • Jonqsu l-imwiet fi Franza u l-Italja
  • 108 każ ġdid fiċ-Ċina – l-ogħla numru f’ħames ġimgħat

In-numru ta’ każi konfermati ta’ Covid-19 madwar id-dinja issa hu ta’ iktar minn miljun u 800 elf persuna (1,844,410). Skont ċifri miġbura mill-Universita’ Medika Johns Hopkins, in-numru ta’ vittmi qabeż il-113,000, ftit iktar minn 6% tal-każi kollha.

Tkompli tikber il-kritika fil-konfront tal-Gvern tar-Renju Unit li qed jiġi akkużat illi naqas milli jħejji għall-epidemija billi jkollu biżżejjed ilbies protettiv u testijiet għall-ħaddiema fis-servizz nazzjonali tas-saħħa u care workers oħrajn. Dan hekk kif in-numru ta’ vittmi qabeż l-10,000 u skont ċertu mudelli, ir-Renju Unit jista’ jsir l-iktar pajjiż li jkollu mwiet fl-Ewropa.

Min-naħa l-oħra, tnaqqis fin-numru ta’ mwiet fi Franza għat-tieni jum konsekuttiv. 315-il persuna mietu kaġun tal-virus fl-aħħar 24 siegħa. In-numru ta’ vittmi fi Franza hu ta’ ftit inqas minn 14,400.

Il-Greċja għandha ftit iktar minn 2,100 każ u 98 mwiet. Iżda l-awtoritajiet qed jibżgħu li n-numru jista’ jiżdied f’daqqa hekk kif fil-jiem li ġejjin, il-popolazzjoni tikser ir-regoli stretti tal-ivjaġġar bi tħejjija għall-festa tal-Għid, li jkun imfakkar mill-Knisja Ortodossa il-Ħadd li ġej.

Fiċ-Ċina, kienu rrappurtati 108 każ ġdid, l-ikbar ammont ta’ każi ġodda għal iktar minn ħames ġimgħat.

Fuq in-naħa l-oħra tal-Atlantiku, uffiċjali għolja fil-qasam tas-saħħa pubblika fl-Istati Uniti mhux qed jaqblu mal-President Amerikan Donald Trump li jrid ineħħi r-restrizzjonijiet mill-iktar fis. Ċifri sal-bieraħ juru li l-Istati Uniti hu l-iktar pajjiż milqut mill-Coronavirus b’530,000 każ konfermat u kważi 21,000 persuna li l-virus sewa ħajjithom.