Coronavirus Għawdex Lokali

Il-Gvern jibqa’ ma jserraħx ras l-Għawdxin

L-Isptar ġenerali ta' Għawdex - Mill-Arkivji

Għaddew aktar minn ħmistax-il ġurnata minn meta għamilna diversi mistoqsijiet lill-Ministeru għas-Saħħa, l-Ministeru għal Għawdex u Steward Health Care dwar n-nuqqas ta’ preparamenti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Wara ħmistax-il ġurnata il-Gvern ma wieġeb xejn minn dawn il-mistoqsijiet tant li l-inkwiet u l-inċertezza fost l-Għawdxin komplew jiżdiedu flok jonqsu anke issa bil-każijiet pożittivi li nstabu fl-istess sptar f’ Għawdex.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, maħruġa mit-tliet Deputat Għawdxin Chris Said, Kevin Cutajar u Frederick Azzopardi.

Sodod Disponibbli
Sal-lum il-120 sodda mwiegħda li kellhom jiżdiedu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għadhom ma jeżistux. Għandu jiġi ċċarat meta dawn ser ikunu lesti għal li jista’ jinqala. Mistoqsija kruċjali li ħadd għadu ma wieġeb hi meta ser jkunu lesti dawn il-120 sodda extra, b’liema staff ser jiġu moqdija? Ma jidher li żdied u qed jiġi mħarreġ l-ebda staff ġdid fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u numru ta’ staff eżistenti jinsab fi kwarantina.

L-Anzjani ta’ Dar Sant’Anna
L-anzjani tar-Residenza Sant’ Anna kellhom jiġu trasferiti għal lukanda fiċ-ċentru tar-Rabat. Sal-lum għadhom ma ġewx trasferiti. Għaliex? Meta ser jiġu traferiti? Għaliex dan id-dewmien kollu?

Ventilators
Filwaqt li nfaħħru l-inizjattiva li ħa l-Isqof ta’ Għawdex flimkien mal-kleru Għawdxi li jiġbru biex jinxtara ventilator għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-mistoqsijiet li għamilna dwar kemm hu n-numru ta’ ventilators bħalissa, kemm ġew ordnati u kemm waslu ventilators ġodda minn Steward Health Care baqgħu sal-lum bla tweġiba. Għaliex? Ma ġie ordnat l-ebda ventilator ġdid u qed nistrieħu biss fuq il-karità?

Protezzjoni u Tahrig tal-Istaff Mediku
Għaliex hemm ħafna mistoqsijiet mill-infermiera u tobba dwar l-lbies protettiv li ġew provduti kif ukoll dwar tahriġ u protokoll li għandu jiġi użat fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Huwa obbligu tal-awtoritajiet li jassiguraw lill-ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jkollhom l-lbies protettiv neċessarju u li ma jkunx hemm min jixxaħħaħ ma’ dawn il-ħaddiema li huma l-frontliners f’ din il-ġlieda. Huwa obbligu tal-awtroitajiet li jaraw li jkun hemm it-taħriġ u protokoll ċar li għandu jiġi segwit.

Swab Tests
Napprezzaw li sar sforz u żdiedu l-ammont ta’ swabs li qed jittieħdu f’ Għawdex u li dan l-ammont jikkompara tajjeb proporzjonalment mas-swabs li qed jittieħdu f’ Malta. Nibqgħu ninsistu li hemm bżonn li t-testijiet fuq dawn is-swabs jsiru fil-laboratorju f’ Għawdex stess biex ma jinħeliex ħin u riżorsi umani prezzjużi. Sal-lum dan għadu ma sarx.

Protezzjoni tax-Xufiera tal-Ambulanzi
Ma ttieħdu l-ebda miżuri biex l-ħaddiema tal-ambulanzi u xufiera oħra ma jibqgħux kollha f’ post wieħed u f’ container. X’ qed iżomm milli dawn jinqasmu f’ żewġ postijiet adegwati barra mill-isptar? Għaliex il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili f’ Għawdex inqasmu f’żewġ postijiet iżda dawk tal-ambulanzi u trasport ieħor tas-saħħa le?

Minn naħa tagħna nerġgħu noffru l-kollaborazzjoni sħiħa tagħna f’dan il-mument u nassiguraw li ser nibqgħu ninsistu li jkun hemm tweġibiet ċari għal dawn il-mistoqsijiet għax l-Għawdxin jimmeritahom li jkollhom tweġibiet u jserrħu rashom li l-preparamenti saru u saru kif suppost.