Lokali

Jibqgħu mitlufa d-dgħajjes bl-immigranti

Mhux magħruf jekk għerqux

Għadu mhux magħruf x’sar mill-mijiet ta’ immigranti li qattgħu tmiem il-ġimgħa bejn sema u ilma fuq dinghies f’nofs il-baħar Mediterran. Dan intqal mill-aġenzija Frontex li dalgħodu bgħatet titjira speċjali bil-għan li tfittex dinghy li kien bejn Malta u l-Libja u li ntilef kull kuntatt miegħu fl-aħħar sigħat.

Kienu diversi l-għaqdiet non-Governattivi li esprimew it-tħassib tagħhom li numru ta’ immigranti kienu tilfu ħajjithom wara rapporti li d-dinghies li kienu fuqhom kienu inqalbu, iżda l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Malti Evarist Bartolo dagħodu caħad li l-immigranti kienu mietu u qal li d-dinghy li ntlemaħ kien vojt u mqatta’, bħal ma jkun hemm ħafna fil-baħar Mediterran.

Hu qal li dinghy vojt mhux prova li abbord kien hemm l-immigranti.

Intant fi Tweet, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna it-Tnejn reġa tenna li bħal ma għamlet għal mijiet ta’ snin, il-Knisja qegħda għaldarboħra toffri r-riżorsi tagħha biex tilqa’ l-immigranti. Hu qal li din hija prova oħra tal-umanità u l-ospitalità li aħna magħrufin għaliha u appella biex ma nfallux f’dan l-aspett.

Dawn l-izviluppi kollha sehhew hekk kif l-attivist Xandru Cassar qatta’ l-kumplament tal-jum tat-Tnejn quddiem Kastilja wara li l-Ħadd  beda protesta personali kontra l-pożizzjoni li ħa l-Gvern viz-a-vis l-immigranti.

Staqsejnih x’kien il-messaġġ li ried iwassal u jekk kienx kellmu xi uffiċjal tal-Gvern kemm kien ilu quddiem l-Ufficcju tal-PM. Xandru qal li hu kien qiegħed hemm biex jisħaq mal-Gvern biex dawn in-nies li jinsabu maqbudin fuq il-baħard jiddaħħlu f’port sigur mill-aktar fis possibbli. Hu qal li ma kellu l-ebda komunikazzjoni mill-Gvern.

Ftit wara li tlaqna aħna, il-Prim Ministru Robert Abela daħal fl-Uffiċju tiegħu f’Kastilja, iżda minkejja li għadda ftit metri ‘l bogħod miz-zaghzugh, li sellimlu, hu injorah u baqa’ għaddej.

Rapport fil-ġurnal Times of Malta wera illi dik li darba kienet lanċa tas-sajd Spanjola tat provvisti ta’ ilma u ġkieket tas-salvataġġ lill-imigranti fuq wieħed mid-dinghies li jinsab fl-ibħra tat-tfittxija u s-salvataġġ Maltin.

Bħalissa hu maħsub li fiz-zona SAR Maltija hemm tal-anqas tlett dgħajjes b’numru ta’ immigranti abbord. Il-Ħadd filgħodu, mal-100 immigrant daħlu fil-port ta’ Pozzallo abbord dgħajsa żgħira. Huma niżlu fi Sqallija, fejn mal-ewwel żammewhom il-forzi tal-ordni Taljani. Filwaqt li 85 immigrant ieħor, it-Tnejn, daħlu f’Lampedusa.