Min qed jipprova jagħmel hekk qed joħloq il-firda minflok l-għaqda fost il-poplu
Fil-kuxjenza tal-Maltin ħadd ma jrid li xi ħadd jitlef ħajtu. M’għandniex għalfejn nagħzlu bejn il-hajja ta’ min hu Malti u min mhux. Għandna nkunu favur il-ħajja dejjem. Dan filwaqt li quddiem il-kriżi bla preċedent fl-immigrazzjoni rregolari li żviluppat f’dawn l-aħħar siegħat pajjiżna għandu jingħata l-għajnuna kollha li tixraqlu permezz ta’ mekkaniżmu effettiv ta’ għajnuna u solidarjeta’ sabiex jaffronta l-komplikazzjonijiet kollha tal-qagħda preżenti.
Għalhekk illejla l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kiteb lil Donald Tusk, President tal-Partit Popolari Ewropew u insista li fil-laqgħa urġenti li għandha tinżamm bejn il-mexxejja tal-Partiti fi ħdan dak il-grupp, dan is-suġġett jiġi immedjatament diskuss.
Dan sabiex jkun hemm pożizzjoni ċara u diretta favur miżuri konkreti li jgħinu pajjiż żgħir bħal tagħna. L-urġenza ċara hija ferm aktar mis-soltu għax dan il-poplu mhux biss qed jikkumbatti l-virus tal-Covid-19 imma issa wkoll jrid jaffronta b’żieda din l-isfida umanitarja qawwija.
Illum protagonist ewlieni tal-Partit Laburista, Manwel Micallef, tella post inuman fejn stieden lin-nies jagħzlu bejn ventilatur – jiġifieri ħajja, bejn Malti u Afrikan. Qablu, Alfred Griscti, Kap Ezekuttiv ta’ entita tal-gvern dwar il-welfare, ukoll kiteb kummenti razzisti fuq il-media socjali.
Dawn mhumiex il-valuri tal-Maltin. Dawn mhumiex il-valuri favur il-hajja. Il-ħajja umana imprezzabbli u tibqa’ l-ewwel prijorita’.
Ma nħallux lil min jifridna. Li nsalvaw il-ħajja u li nħarsu saħħet il-poplu tagħna ma għandhomx jinfirdu minn xulxin.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET Live t-Tnejn filgħaxija.
//= $special ?>