Il-gwerra fil-Libja qed tkompli fost rapporti ta’ suċċess militari għall-qawwiet tal-Gvern li qed igawdi l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-qawwiet tal-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali fl-aħħar sigħat ħatfu l-kontroll fil-belt ta’ Sorman, lejn il-Punent tal-Libja u li għall-aħħar xhur kienet f’idejn il-qawwiet tal-Ġeneral Khalifa Haftar li ilu sena jmexxi offensiva fuq il-kapitali Libjana Tripli.
Ir-rapporti qalu wkoll li t-truppi tal-Gvern għall-Għaqda kienu qed jikkonsolidaw il-postijiet li ħatfu huma u javvanzaw aktar ‘il ġewwa f’Sorman. Ingħad li ntużaw numru ta’ drones waqt l-attakk fuq il-ġellieda ta’ Haftar, bit-truppi tal-Gvern imbagħad javvanzaw fid-direzzjoni tal-belt mill-inħawi ta’ Zawiya.
Bħalissa għaddejjin aktar battalji bejn il-qawwiet tal-Gvern Libjan u l-milizzji ta’ Haftar li kienu ħatfu l-kontroll ta’ Sorman f’April tas-sena l-oħra.
Il-belt ta’ Sorman tinsab 60 kilometru ‘il bogħod minn Tripli, li għadha suġġetta għall-kampanja militari li beda Haftar madwar is-sena ilu, u li qed tkompli minkejja l-impenji internazzjonali lejn waqfien mill-ġlied fil-Libja.
//= $special ?>