Futbol Sport

Possibbiltà ta’ qbil bejn il-plejers u l-klabbs dwar ir-riduzzjoni fis-salarji tal-plejers

Il-paġna ta’ Replay fuq facebook tinsab infurmata li l-plejers u l-klabbs tal-futbol lokali jinsabu qrib li jsibu kompromess dwar ir-riduzzjoni fis-salarji tal-plejers wara li l-Malta Football Players Association segwit il-pożizzjoni tal-klabbs tal-Kampjonat Premier u llum ressqet proposti dwar miżuri importanti li bihom il-plejers membri għandhom ikunu sodisfatti jekk dawn jiġu aċċettati.

Il-klabbs kienu qablu li bħala minimu kienu lesti jħallsu €1,200 fix-xahar għall-plejers full-time, iżda naqsu li jsemmu l-plejers part-time. Il-proposti tal-MFPA jinkludu wkoll il-plejers part-time, b’dawn tal-aħħar huma ferm inqas fl-ogħla diviżjoni, iżda jammontaw għal numri importanti fid-diviżjonijiet inferjuri tal-MFA.

Matul l-aħħar jiem, l-MFA wissiet biex ma jitnaffrux dawk l-individwi li jinvestu fil-klabbs tal-futbol u ħeġġet lill-MFPA biex tilħaq ftehim mal-klabbs u kulħadd jerfa’ biċċa mill-piż. L-iżviluppi għadhom jiżvolġu u mhux eskluż li fis-sigħat li ġejjin il-partijiet jiltaqgħu u jsibu ftehim li kulħadd ikun kuntent bih.

Fl-aħħar jiem, il-FIFA ppreżentat dokument gwida dwar ċirkostanzi regolatorji wara li l-futbol spiċċa wkoll vittma ta’ nuqqas ta’ attività minħabba l-COVID-19. Jidher li dan id-dokument wassal biex iż-żewġ partijiet jaġixxu u jpoġġu l-pożizzjoni tagħhom għal aktar diskussjoni.