Futbol Sport

Rudi Völler illum jagħlaq 60 sena

Illum l-eks attakkant Ġermaniż Rudi Völler jagħlaq 60  sena. Hu beda l-karriera ma’ 1860 Hanau u lagħab fit-Tieni Diviżjoni ma’ Kickers Offenbach u 1860 Munich qabel ingħaqad ma’ Werder Bremen fl-1982. Wara ħames staġuni magħhom, Völler attira interess minn klabbs barranin u fl-1987 iddeċieda li jingħaqad ma’ Roma. Magħhom rebaħ il-Coppa Italia fl-1991 u kemm-il darba spiċċa l-aqwa skorer tal-klabb.

Fl-1992, Völler ingħaqad ma’ Olympique Marseille fi Franza u magħhom rebaħ il-UEFA Champions League fl-ewwel staġun tiegħu. Hu rebaħ ukoll il-kampjonat Franċiż, liema kampjonat intilef wara li Marseille nqabdu fi skandlu ta’ korruzzjoni u kienu relegati. Din id-deċiżjoni wasslet biex Völler ħalla l-klabb u rritorna l-Ġermanja ma’ Bayer Leverkusen. Hu lagħab l-aħħar żewġ staġuni biex irtira fl-1996.

Mat-tim nazzjonali Ġermaniż, Rudi Völler lagħab 90 logħba. Hu skorja 47 gowl daqs Jürgen Klinsmann u jinsabu fir-raba’ post fil-klassifika tal-aqwa skorers tat-tim nazzjonali. Völler rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-1990 wara li spiċċa finalist erba’ snin qabel. Fl-1992, Völler flimkien ma’ sħabu spiċċaw finalisti wkoll tal-Kampjonat Ewropew.

Bħala kowċ, Völler ma kellux suċċess. Hu kellu żewġ esperjenzi qosra ma’ Bayer Leverkusen filwaqt li għadu sal-lum Direttur Sportiv tal-klabb. Bejn l-2000 u l-2004 kien kowċ nazzjonali tal-Ġermanja u wara kellu wkoll esperjenza qasira ma’ Roma.