It-Tnejn filgħodu l-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex jaġġorna lill-ġurnalisti dwar il-bini tal-iskola tal-Qawra.
Din l-iskola li ilha s-snin biex titlesta, kellha tilqa’ l-ewwel studenti tagħha s-sena li għaddiet… iżda issa l-Ministru qed jipprevedi li l-iskola tibda tintuża minn Settembru li ġej.
Gvern Laburista fl-2013 kellu fuq il-manifest elettorali l-wegħda li jkompli fuq dak li beda l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern…jiġifieri li jibni skola ġdida kull sena.
Madankollu tul dawn l-aħħar seba’ snin, il-Gvern irnexxielu jibni biss zewg skejjel.
Waħda f’Ħal Kirkop li kienet pjanta bil-lest mill-Gvern preċedenti u li damet sentejn oħrajn biex tlestiet, u dik ta’ Marsacala, li wkoll damet biex tlestiet, bi skejjel oħra jingħataw facelift jew estensjonijiet – u oħrajn saħansitra jimtlew b’kontejners flok klassijiet biex ilaħħqu maż-żieda fil-popolazzjoni.
Intant, hekk kif konna fuq is-sit tal-kostruzzjoni tal-iskola tal-Qawra, stajna ninnutaw ir-riħa qawwija gejja mill-miżbla tal-Magħtab. Staqsejna lill-Ministru tal-Edukazzjoni jekk il-problema tal-immaniġġjar tal-iskart fil-Magħtab tkunx issolviet sakemm tinfetaħ l-iskola iżda hu ma taniex indikazzjoni ta’ meta se titranġa din is-sitwazzjoni.
Staqsejna wkoll lill-Ministru Bonnici jekk l-eżamijiet tal-Matrikola O u A Levels għadhomx skedati għal Settembru kif intqal ftit tal-jiem ilu, bil-Ministru jwieġeb li kollox jimxi skont kif tkompli tiżviluppa s-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna.
//= $special ?>
