Edukazzjoni Lokali

Stampat mill-ġdid il-ktieb Praspar mill-Klinika

Il-ktieb Praspar mill-Klinika, Doża ta’ Daħq miġbur u miktub minn Marica Mizzi reġa’ qiegħed jiġi ppubblikat għat-tieni darba. L-ewwel edizzjoni tal-ktieb kienet inħatfet f’temp ta’ ftit ġranet u l-pubblikaturi, Kite Group, iddeċidew li jerġgħu jistampawh mill-ġdid biex inisslu tbissima f’dan iż-żmien ta’ diffikultajiet.

Ir-rispons għall-ktieb kien pożittiv ħafna, tant lill-pubblikaturi, f’kull fiera tal-ktieb u anki fil-ħwienet tal-kotba n-nies kienu jistaqsu meta se jerġa’ jiġi stampat mill-ġdid. U issa l-ktieb jinsab fl-idejn mill-ġdid.

Praspar mill-Klinika hu ġabra ta’ aktar minn 200 aneddotu marbutin mal-qasam tas-saħħa b’laqta umoristika li ġraw bis-serjeta’ lill-professuri, tobba, infermiera u tant oħrajn. F’dan il-ktieb se taqra dwar it-tabib jew l-ispeċjalista tiegħek u l-praspar li kienu involuti fihom.

U kif tista’ ma titbissimx meta taqra li tabib magħruf mar iħabbat il-bieb u fixkluh ma’ technician tal-washing machines? Jew ma’ tabib li ġabruh mit-triq il-pulizija għax ħasbuh pazjent li għadu kemm ħarab minn Monte Karmeli?

U meta fil-kamra mortwarja l-katavru jqum u jaħsad lil kulħadd? U kemm stejjer dwar x’jista’ jagħmel pazjent bis-suppożitorju… U possibbli… anki fuq is-siġġu tad-dentist tista’ tidħaq?!

Hekk kif il-ktieb ikun f’idejk u tibda tqalleb il-paġni, se tintebaħ mill-ewwel li dan il-ktieb se jwassalek in-naħa l-oħra ta’ dawn il-professjonisti, l-element umoristiku tagħhom, aneddoti li għaddew minnhom u li ġabulhom tbissima u li issa din it-tbissima, jew kultant anki daħqa kbira, se tgħaddi għand il-qarrej. Għax iva, it-tbissima tittieħed.

U tista’ tidħaq inti, tirrakonta dak li qajt u ddaħħaq lil ħaddieħor. L-ebda tabib jew professur ma jista’ jagħtik garanzija li l-mediċina li jiktiblek se tfejqek żgur.

Imma dan il-ktieb qed jagħtik il-garanzija li l-istejjer miktubin fih se jdaħħquk. Issa tara! Kopji ta’ dan il-ktieb jinkisbu minn fuq www.kitegroup.com.mt.