Id-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tintlibes maskra protettiva jew le fil-pubbliku ser tkun iddeterminata minn studju nazzjonali li qed jitwettaq preżentament dwar kemm possibilment hawn persuni infettati bil-COVID-19 fil-komunità.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt intervista f’Indepth. Huwa saħaq li s’issa l-maskri qed jitħallew jintlibsu mill-mediċi li huma frontliners f’din il-gwerra kif ukoll dawk kollha li qed iħabbtu wiċċhom ma’ din il-pandemija sabiex jissalvagwardaw saħħithom u saħħet il-bqija tal-poplu.
Madanakollu, Fearne sostna li bħalissa għaddej studju sabiex jiġi stabbilit kemm effettivament jista’ jkun hawn persuni infetti bil-virus fil-Gżejjer Maltin apparti l-ammont li nafu bih.
Dan minħabba l-fatt li fl-aħħar jiem qed joħroġ fid-deher li hawn ħafna aktar asintomatiċi milli wieħed stenna – bil-persuni infettati jkollhom sintomi verament ħfief li wieħed lanqas biss jagħti kashom.
Fosthom is-Suprintendent tad-Direttorat tas-Saħħa Pubblika Professur Charmaine Gauci ħabbret fost oħrajn nisa tqal deħlin iwelldu u jimmarkaw pożittivi waqt testijiet ta’ rutina, mingħajr ma jkollhom l-ebda sintomi. Kif ukoll Care Workers li jaħdmu mal-anzjani wkoll mingħajr ebda sintomi iżda pożittivi.
Chris Fearne sostna li malli joħroġ ir-riżultat ta’ dan l-istħarriġ nazzjonali, l-Awtoritajiet ikunu jistgħu jaslu għal konklużjoni jekk il-pubbliku ġenerali għandux jilbes maskra protettiva barra fil-pubbliku, mhux sabiex jipproteġi lilu nnifsu iżda bil-għan li ma jmarradx lil ħaddieħor.
Intant il-Ministru ma ċaħadx il-possibilità li jiżdiedu l-miżuri – fosthom dik tal-lockdown. Madanakollu kollox jidher li ser ikun marbut mal-eżitu ta’ dan l-istudju.
//= $special ?>