Il-kriżi tal-immigrazzjoni fil-Mediterran kompliet teskala fl-aħħar sigħat.
Wara li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ddaħlu Malta 43 immigrant, fl-aħħar ġranet kien hemm aktar immigranti maqbuda barra minn xtutna.
Filwaqt li smajna kif 55 immigrant li kienu bejn sema u ilma intilef il-kuntatt kollu magħhom, l-organizzazzjoni Alarm Phone fuq Twitter akkużat lill-Gvern Malti li naqas milli jagħmel dak kollu possibbli biex isalva ħajjet in-nies.

L-istess Alarm Phone, fi tweet separata saħqet li apparti dawn il-55, issa hemm ukoll 43 immigrant li jridu jidħlu f’port sigur. Alarm phone appellat lill-Gvern Malti biex iħallihom jidħlu għax dawn ilhom issofru.

Intervistat waqt il-programm Realta’, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar dan is-suġġett. Għalkemm sa issa, għadu ma kellux okkażjoni waħda biex jaffaċja d-domandi tal-media indipendenti – u ilu ġranet sħaħ ma jsejjaħ konferenza tal-aħbarijiet.
Dan filwaqt li għal darb’oħra prova jirbaħ punti politiċi billi jattakka direttament lil Net News waqt li kien qiegħed fuq ix-xandir nazzjonali. Hawn, Robert Abela qarraq meta prova jagħti impressjoni għal kollox skorretta – il-verita’ hi, li dakinhar il-Gvern ħeba l-wasla tal-immigranti fl-Isla, u kien propju Net News li kixef dak li kien għaddej. Iżda fl-ebda waqt ma sar attakk fuq is-salvataġġ tal-AFM, kif implika l-Prim Ministru.

Anke il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qed jevita għal kollox lill-media. Hu għazel li jindirizza lin-nazzjon permezz ta’ Facebook biex jipprova jtaffi xi ftit mill-pressjoni li hemm fuq il-Gvern.
//= $special ?>
