Futbol Sport

Bournemouth idawru wkoll id-deċiżjoni dwar it-tnaqqis tas-salarji tal-impjegati

(Ritratt: EPA)

Bournemouth dawru d-deċiżjoni li jitfgħu lill-impjegati tal-klabb fuq l-iskema tal-Gvern Ingliż wara kritika mill-partitarji tal-klabb. Din id-deċiżjoni tagħmel lil Bournemouth it-tielet klabb tal-Premier League wara Liverpool u Tottenham li bidlu d-deċiżjoni wara l-kritika li rċevew. Il-klabb kien ħabbar fl-1 ta’ April li kien se jitfa’ l-ħaddiema kollha fil-klabb fuq l-iskema tal-Gvern Ingliż li tħallas 80% tas-salarji. Fi stqarrija lbieraħ, Bournemouth qalu li d-deċiżjoni inizjali ma kinitx ittieħdet faċilment u sar wara pressjoni li tpoġġiet fuq l-aspett operattiv tal-klabb.

L-istqarrija kompliet tgħid li huma konxji tal-kritika li l-klabbs tal-Premier League rċevew, bil-Bord tad-Diretturi jgħid li semgħu lill-partitarji u dawru d-deċiżjoni. Huma sostnew li se jassiguraw li l-klabb ikompli jopera filwaqt li l-istaġun hu sospiż. Il-manager ta’ Bournemouth Eddie Howe sar l-ewwel manager fil-Premier League li b’mod volontarju jnaqqas is-salarju tiegħu. Hu flimkien mal-assistent Jason Tindall, il-Kap Eżekuttiv Neill Blake u d-Direttur Tekniku Richard Hughes se jibqgħu bis-salarju mnaqqas.