Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, insista li għandu ‘poter totali’ biex ineħħi l-lockdown li qed ikun implimentat fuq bażi nazzjonali bħala difiża kontra l-firxa tal-infezzjonijiet mill-coronavirus.
L-atteġġjament ta’ Trump jitqies bħala sfida konkreta u diretta għall-Gvernaturi u l-esperti legali, bil-President jagħmilha ċara li ‘l-aħħar kelma hi tal-Mexxej Amerikan’, waqt konferenza tal-aħbarijiet imqanqla karatterizzata mit-tilwim bejn Donald Trump u l-ġurnalisti.
Il-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti tisħaq li l-Istati Amerikani jridu jżommu l-ordni pubblika flimkien mal-kriterji tas-sigurtà.
Dan meta għaxar Stati mal-East u l-West coast, fl-aħħar sigħat, kienu qed jippjanaw biex ineħħu d-direttivi stretti li qed iżommu lin-nies milli joħorġu.
L-Istati Uniti hi l-epiċentru globali tal-pandemija tal-coronavirus, b’554,684 każi kkonfermati u (sal-bieraħ) 23,608 mewta.
Intant, Donald Trump sostna, waqt il-konferenza dwar il-coronvirus fil-White House (f’Washington) li l-amministrazzjoni tiegħu qed tiffinalizza pjan ‘biex tinfetaħ mill-ġdid’ l-ekonomija tal-Istati Uniti li fil-parti kbira spiċċat friżata b’kaġun tal-firxa tal-coronavirus.
Il-Gvern ta’ Trump indika l-Ewwel ta’ Mejju bħala d-data potenzjali biex jonqsu r-restrizzjonijiet għall-Amerikani. Ir-rakkomandazzjonijiet mill-White House biex l-Amerikani jevitaw ir-ristoranti u l-ivvjaġġar mhux essenzjali – u l-ħtieġa li ma jinġabrux gruppi kbar ta’ nies – mistennija jiskadu fit-30 ta’ April.
Meta l-ġurnalisti staqsew jekk Trump għandux l-awtorità biex ‘jannulla’ id-direttivi – li qed ikunu applikati minn Stat għal ieħor – biex in-nies jibqgħu d-dar, hu wieġeb li ‘meta persuna tkun President tal-Istati uniti, l-awtorità tal-individwu għandha titqies bħala totali – bil-Gvernaturi Amerikani jafu b’dan kollu’.
Fl-istess ħin, Trump qal li l-White House ‘se jkun qed jaħdem flimkien mal-Istati Amerikani’ u li ‘numru ta’ proviżjonijiet (mhumiex speċifikati) fil-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti jagħtuh il-poter biex jieħu dawn id-deċiżjonijiet’.
Madankollu, l-esperti legali jgħidu li l-President Amerikan mgħandux l-awtorità biex jaqleb restrizzjoni fl-interess tas-saħħa pubbliku li tkun implimentata fuq livell ta’ Stat jew fuq livell lokali.
//= $special ?>