Edukazzjoni Lokali

Ħafna skejjel li jgħallmu l-Ingliż jonqsu milli jħallsu lit-teachers – Il-UPE tieħu azzjoni

The Union of Professional Educators – Voice of the Workers bħalissa tinsab għaddejja bla waqfien biex tara li jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-ħaddiema li bħalissa għaddejjin minn diffikultà minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Fost dawn hemm dawk it-teachers li jgħallmu l-Ingliż li bħalissa mhux qegħdin jieħdu l-paga.

Ħafna minn dawn il-membri ħadmu fix-xahar ta’ Marzu u ma ħadu l-ebda salarju għas-sigħat li għamlu, u għalhekk jinsabu f’qagħda vulnerabbli. Il-maġġoranza ta’ dawn l-għalliema tkellmu ma’ min iħaddimhom bil-kelma t-tajba fuq din il-problema, iżda ngħataw tweġiba li għalissa ma jistgħux jitħallsu minħabba li l-iskejjel m’għandhomx fondi biex iħallsu l-pagi.

Ma ngħatat l-ebda risposta meta dawn jistgħu jitħallsu, biex il-problemi ta’ dawn l-għalliema issa kibru sew u jinsabu taħt ansjetà kbira fi żminijiet diffiċli.

Biex jitpoġġa l-melħ fuq il-ferta, dawn it-teachers kienu mitluba jkompli jaħdmu b’mod virtwali bla ebda garanzija li se jieħdu xi forma ta’ salarju. Meta l-għalliema ma qablux li jkomplu jaħdmu meta mhux jirċievu paga, ġew mhedda mill-employers tagħhom.

Dawn infurmawhom li jekk jirrifjutaw ix-xogħol taħt il-kundizzjonijiet eżistenti, l-applikazzjoni għall-grants tal-Gvern ma kienitx se tiġi proċessata. Il-union qalet li kienet ixxukkjata għall-insensittivita u l-mod krudili ta’ kif qed jaġixxu dawk li qegħdin iħaddmu lil dawn l-għalliema.

Dan mhuwx xejn ħlief ‘bullying’ qalet il-union fejn ħafna minnhom jgħixu bis-salarju li jeħdu minn din il-professjoni. Minħabba dan ix-xenarju, il-union iddeċidiet li tieħu azzjoni biex tipproteġi lill-membri tagħha. Mhux eskluż li jittieħdu proċeduri kriminali kontra dawn l-iskejjel.