Filwaqt li għexieren ta’ ħaddiema tal-Air Malta se jispiċċaw bla xogħol, il-Gvern qed jibqa’ jaħrab milli jiltaqa’ mal-unions.
Fl-aħħar jiem, l-Air Malta saħqet li m’għandhiex fiduċja tinnegozja mal-union tal-cabin crew, li tirrappreżenta l-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema tal-kabina, għaliex qalet li din il-union ma tikkooperax.
Net News jinsab infurmat li dan mhux il-każ, għaliex il-Union tal-Cabin Crew għażlet li taqbel mat-tnaqqis fil-paga, kif jixhed vot li ttieħed f’Sibt il-Għid u li minnu irrizulta li 90% tal-impjegati jaqblu mat-tnaqqis.
Dan minflok marret għall-ftehim li kien iffirmat madwar sentejn ilu fejn il-ħaddiema f’din is-sitwazzjoni huma intitolati għal ħafna iktar milli se jieħdu.
Il-Gvern ta’ Joseph Muscat u sussegwentament il-Gvern ta’ Robert Abela minn dejjem ftaħar bis-sitwazzjoni fl-Air Malta. Taħt il-Ministru Konrad Mizzi u issa taħt Silvio Schembri, kulħadd ingħata l-idea li din il-kumpanija qed tagħmel profitti sena wara sena. Iżda minn dan il-profitt kollu, l-agħar li ntlaqtu mill-kriżi li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19 kienu il-ħaddiema li ma ħadu xejn.
Mhux biss spiċċaw b’paga mnaqssa, iżda aktar minn 300 impjegat jinsabu fuq notice u se jispiccaw mingħajr xogħol fi ftit ġimgħat. Dawn jinkludu ħaddiema li ilhom mal-kumpanija għal aktar minn 20 sena.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li l-Air Malta waslet f’dan il-punt għaliex fiċ-ċirkostanzi attwali il-linja nazzjonali tal-ajru ma tistax tkompli toħroġ il-pagi.
Pero, filwaqt li l-ħaddiema kellhom il-paga tagħhom mnaqqsa għall-1,200 Ewro, l-ogħla ufficjali fi ħdan l-Air Malta se jibqgħu jieħdu pagi gholjin.
Fl-aħħar sigħat, il-European Cockpit Association bagħtet ittra lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministru Silvio Schembri fejn saħqet li tinsab diżappuntata li l-Air Malta ma għamlitx bħal bqija tal-linji tal-ajru Ewropej fir-rigward tal-pagi.
Din l-ittra tgħid li l-Kap Eżekuttiv tal-AirMalta se jkollu €90,000 fis-sena paga waqt li l-impjegati li se jiehdu 1,200 fix-xahar, sakemm imbghad jitkeccew. Skont sorsi, il-membri l-oħra fit-tmexxija tal-kumpanija naqsu 10% tal-paga taghhom.
S’issa għadu mhux magħruf jekk dan applikax ukoll għall-preżentatur tal-istazzjoni Laburista Karl Stagno Navarra, li ghad għandu impjieg mal-Air Malta.
Net News jinsab infurmat li membri mit-tmexxija tal-Air Malta bħalissa nqabdu barra minn Malta, min l-Italja, min l-Ingilterra u min il-Belġju. L-istess sorsi qalulna wkoll li fl-aħħar jiem, ufficjal mir-Riżorsi Umani prova jqajjem diżgwid u rabja kontra l-unions li jirrapreżentaw il-ħaddiema – dan jixhduh chats li ġew illikjati fl-aħħar sigħat. Filfatt, jidher li l-linja tal-ajru nazzjonali tefgħet il-ħtija tat-telf tal-impjiegi fuq il-unions.
//= $special ?>