Coronavirus Lokali

Il-ħaddiema fl-industrija tal-kostruzzjoni m’għandhomx jiġu diskriminati

Il-Malta Developers Association qalet li l-ħaddiema fl-industrija tal-kostruzzjoni m’għandhom bl-ebda mod ma jiġu diskriminati fl-għajnuna li qed jagħti l-Gvern lil sezzjoni tal-ħaddiema li ntlaqtu mill-emerġenza tal-coronavirus.

L-Assoċjazzjoni minn naħa tagħha qalet li tixtieq tikkjarifika xi punti li setgħu ma nftehmux sew f’xi sezzjonijiet tal-media dwar dak li temmen l-assoċjazzjoni dwar l-emerġenza tal-pandemija COVID-19.

Tenniet li ħafna f’dan il-mestjier diġa’ qed jieħdu l-miżuri u jaħdmu ħinijiet anqas għall-ġid tagħhom u tal-pubbliku. Fi stqarrija għall-istampa l-MDA qalet li diġa ħarġet struzzjonijiet lill-membri tagħha, u dan fuq inizzjattiva tagħha stess, biex jonqos kemm jista’ jkun u tiġi evitata kull inkonvenjenza kkawżata minn proġetti tal-kostruzzjoni f’inħawi residenzjali.

F’dan ir-rigward, membri tal-MDA ingħataw direzzjoni biex jibdew xogħol ta’ skavar u twaqqiegħ mhux qabel it-8.00am. L-assoċjazzjoni nkoraġġit ukoll lill-iżviluppaturi u l-kuntratturi biex kemm jista’ jkun jevitaw ħsejjes waqt is-sigħat sensittivi tal-ġurnata.

L-MDA qalet ukoll li tinsab sodisfatta li l-maġġoranza tal-membri tagħha diġa’ ħadu dawn il-miżuri, li jinkludu wkoll is-sospensjoni totali tax-xogħolijiet.

Hija qalet li qed tagħmel monitoraġġ tas-sitwazzjoni fir-rigward ta’ kif l-industrija tal-kostruzzjoni qed tirrispondi f’din l-emerġenza u qed tirraporta lill-awtoritajiet lil dawk li jaħdmu f’dan is-settur u li għadhom jabbużaw.

L-assoċjazzjoni qalet li hija totalment kontra kull abbuż u qed titlob lill-awtoritajiet biex ikomplu jiżguraw infurzar tajjeb. Hija tilqa’ kull intervent meħuda dan l-aħħar, bħal dak li seħħ fil-Gżira nhar it-Tnejn minn aġenzija tal-bini u kostruzzjoni. Qalet li hija nnutat ukoll li l-iżviluppatur, lanqas biss huwa membru tal-MDA.

Hija qalet ukoll li għamlet proposti tanġibbli, biex fuq bażi temporanja, l-iżviluppaturi u l-kuntratturi jistgħu jaqblu biex inaqqsu aktar xogħol ta’ skavar u twaqqiegħ.

Dan ifisser li se jonqsu s-sigħat ta’ xogħol għal dan is-settur, u għalhekk l-MDA qed tinsisti mal-awtoritajiet, li jekk dawn il-miżuri temporanji favur il-pubbliku jiġu ntrodotti, l-ħaddiema nvoluti għandhom jiġu trattati l-istess bħal kull kategoriji oħra ta’ ħaddiema li qegħdin jiġi mgħejjuna permezz ta’ fondi tal-istat.

L-assoċjazzjoni qalet li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn ħaddiema li qegħdin jiġu affettwati mill-COVID-19. Sadanittant l-MDA qalet li qed tapprezza l-isforzi kollha ta’ dawn il-ħaddiema li baqgħu jaħdmu f’tali kundizzjonijiet.

L-industrija tal-kostruzzjoni tħaddem magħha madwar 16,000 ħaddiem full-time u tappoġġa mat-43,000 ieħor f’industrija relatata. Għalhekk l-MDA qed tinsisti li dawn il-ħaddiena għandhom jiġu trattati l-istess bħall-ħaddiema l-oħra u l-familji tagħhom.

Finalment l-assoċjazzjoni qalet li qed tieħu l-opportunità biex tirringrazzja lill-ħaddiema kollha f’din l-industrija u twiegħdhom l-appoġġ kontinwu tagħhom u li se tibqa’ ta’ spalla magħhom issa u fil-futur.