Coronavirus Ekonomija Lokali Turiżmu

Il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta jirrifjuta li jiltaqa’ mal-ALPA

L-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-bdoti tal-Air Malta, l-ALPA, għamlet talbiet ripetuti biex il-Kap Eżekuttiv Clifford Chetcuti jattendi għal-laqgħat biex tiġi diskussa s-sitwazzjoni preżenti fil-kumpanija.

It-talba tal-ALPA waqgħet fuq widnejn torox, mingħajr ma ġiet ipprovduta ġustifikazzjoni raġonevoli mill-kumpanija.

Stqarrija tal-ALPA b’reazzjoni għal dan tgħid li hija stramba li l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija qed jagħżel li ma jipparteċipax fid-diskussjonijiet li, fit-teorija, jolqtu direttament il-futur tal-kumpanij.

L-istqarrija kompliet tgħid li minn mindu ġie “magħżul” mill-Air Malta, il-Kap Eżekuttiv beda attakk bla heda fuq il-bdoti tal-kumpanija permezz ta’ bosta allegazzjonijiet foloz li jvarjaw minn abbuż ta’ sick leave permezz ta’ statistika falza, għal imġieba ħażina, li qatt ma ġew ippruvati.

L-ALPA qalet li kien ikun iktar għaqli li ssir rikonċiljazzjoni biex issolvi firxa wiesgħa ta’ problemi li jiffaċċjaw l-ekwipaġġ bl-ajru madankollu, Chetcuti għażel li jniedi attakki permezz ta’ gazzetti lokali bl-uniku skop li jintimida u jtebba’ r-reputazzjoni tal-Assoċjazzjoni, kif kif ukoll dak tar-rappreżentanti tagħha.

L-Assoċjazzjoni kompliet tgħid li temmen li huwa etikament immorali li Kap Eżekuttiv juri mġieba predatorja u opportunistika matul perijodu daqstant sensittiv.

L-ALPA qalet li l-offerta li jnaqqas il-paga tiegħu b’70% fil-paga minn pakkett li jaqbeż it-€300,000 esklużi l-vantaġġi fis-sena, wasal wara li ġiet applikata pressjoni mill-ALPA biex tiżgura l-grad meħtieġ ta’ trasparenza.

Dan minkejja, li membri oħra ċedew biss 10% tas-salarji tagħhom, filwaqt li talbu tnaqqis ta’ 90% fil-paga mill-piloti. Fid-dawl ta’ dan l-ALPA qed tibqa’ tinsisti fuq il-livell ġust, ta’ tnaqqis perċentwali f’kull livell.

F’dan il-punt, l-ALPA estendiet s-solidarjetà tagħha mal-Unjoni tal-Ekwipaġġ tal-Kabina, li sfaw vittma tat-tattiċi diviżivi tal-management.

L-ALPA tikkundanna din l-imġieba u jħeġġeġ lill-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri jintervjeni minnufih qabel ikun tard wisq.