Luttu fil-ġurnaliżmu Taljan hekk kif tħabbret il-mewt ta’ Franco Lauro fl-età ta’ 58 sena. Il-ġurnalist sportiv twieled fil-25 ta’ Ottubru tal-1961 u kien sinonimu mal-istazzjonijiet Rai, speċjalment mad-dilettanti tal-futbol u l-basketball. Hu nstab bla ħajja fid-dar tiegħu f’Ruma wara attakk ta’ qalb.
Lauro kien protagonist ta’ diversi kummentarji u fl-aħħar snin kien imexxi l-programm ta’ aħbarijiet sportivi ta’ Rai. Hu beda jaħdem f’xi gazzetti u kummentarji f’Ruma qabel għamel id-debutt ma’ Rai l-1984 fejn hemm sar wieħed mill-aktar vuċijiet rinomati mad-dilettanti tal-isport fl-Italja.
Hu fost l-oħrajn ikkummenta tmien edizzjonijiet tal-Olimpjadi u l-Olimpjadi tax-Xitwa li saret f’Turin fl-2006, sitt edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja u l-Kampjonati Ewropej tal-futbol, 12-il edizzjonijiet tal-Kampjonat Ewropew u tliet edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja tal-basketball.
Fl-2003 flimkien ma’ Giampiero Galeazzi, Franco Lauro ppreżenta l-programm Domenica Sportiva fil-50 sena anniversarju. Is-sena ta’ wara ppreżenta Domenica Sprint u fl-2005 ‘90° minuto Serie B.’ Bejn l-2008 u l-2014 ippreżenta l-programm popolari ‘90° minuto Serie A.’ Fl-aħħar snin ukoll mexxa programm qabel u wara l-partiti tal-Coppa Italia flimkien ma’ Mario Sconcerti.
Malli ħarġet l-aħbar tal-mewt tiegħu, diversi kollegi ġurnalisti sportivi Taljani, klabbs sportivi u oħrajn sellmu l-memorja ta’ Franco Lauro.