“Irridu nibqgħu kawti, ma nistgħux nerħu, irridu nibqgħu nagħmlu l-biċċa tagħna”
Dan kien l-appel tat-tabib Frank Portelli meta kien intervistat waqt il-programm NET LIVE t-Tnejn filgħaxija.
Frank Portelli għamel analiżi dettaljata tal-imxija tal-Coviv-19 f’pajjiżna fejn spjega illi jekk naħsbu li dalwaqt kollox ġej għan-normalità, dan il-virus jaf jirkibna u jħalli warajh aktar imwiet.
Hu qal li bħalissa l-kurva tal-imxija qed tibqa’ stabbli; jiġifieri li n-numri qed ikunu anqas minn 10. Qal li jekk in-numri ta’ każijijiet jibqgħu hekk, dan iwassal biex l-isptar u l-ħaddiema jlaħqu ma’ din l-imxija.
Madanakollu t-tabib appella biex fil-jiem li ġejjin isiru aktar testijiet, mhux biss lill-pubbliku iżda b’mod partikolari fuq il-ħaddiema tas-saħħa.
It-tabib Frank Portelli spjega li l-użu tal-maskri huwa essenzjali għax il-maskra qed tipproteġi mhux biss lilek bħala individwu, imma wkoll lil ta’ madwarek.
L-appell lill-pubbliku jibqa’ wieħed; biex il-poplu Malti u Għawdxi ma jerħix, u jibqa’ jieħu dan il-virus b’serjetà kbira.
//= $special ?>