Coronavirus Sport Sport Ieħor

It-Tour de France mistenni jiġi pospost wara l-aħħar deċiżjoni tal-Gvern Franċiż

(Ritratt: EPA)

It-Tour de France mistenni jkun pospost wara li l-Gvern Franċiż qal li l-ebda attività tal-massa ma tista’ ssir fil-pajjiż qabel il-15 ta’ Lulju minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Il-107 edizzjoni tat-Tour de France kienet mistennija tibda f’Nizza fis-27 ta’ Ġunju u tintemm f’Pariġi fid-19 ta’ Lulju. L-organizzaturi diġà skartaw l-idea li l-edizzjoni ssir mingħajr spettaturi u kienu qed jitkellmu mal-awtoritajiet tal-pajjiż biex l-istadji jsiru f’dati alternattivi.

Minħabba l-importanza tat-Tour de France għall-ekonomija taċ-ċikliżmu, il-possibbiltà li l-edizzjoni titħassar qed tinżamm bħala l-aħħar għażla. Iċ-ċikliżmu ilu wieqaf minn meta t-tellieqa bejn Pariġi u Nizza spiċċa ġurnata qabel fl-14 ta’ Marzu, bit-tlielaq sussegwenti kollha jkunu posposti jew ikkanċellati. L-Union Internazzjonali taċ-Ċiklisti qalet li qed taħdem ma’ dawk involuti biex jinħoloq kalendarju għal din is-sena bi prijorità lejn it-Tours il-kbar u t-tlielaq ta’ ġurnata. Il-Giro d’Italia li kellu jibda fid-9 ta’ Mejju f’Budapest, diġà ġie pospost.

L-edizzjoni tat-Tour de France tas-sena l-oħra ntrebħet minn Egan Bernal ta’ Team Ineos. L-istess tim rebbieħ ta’ seba’ mill-aħħar tmien edizzjonijiet, kien mistenni jkollu tliet rebbieħa tal-passat din is-sena. Iż-żewġ ċiklisti oħra huma Geraint Thomas li hu r-rebbieħ tal-2018 u l-erba’ darbiet rebbieħ Chris Froome li kien mistenni jirritorna wara li weġġa’ serjament is-sena l-oħra waqt il-Criterium du Dauphine.