L-Awstrija qed tikkunsidra li tħalli numru ta’ ħwienet jiftħu biex tibda ttaffi r-restrizzjonijiet li hemm preżenti minħabba l-imxija tal-Covid-19.
Kelliema għall-Gvern qallu li qed jikkunsidraw li jiftħu xi ġonna, u anki ħwienet żgħar. Dan għandu jsir bħala parti minn pjan biex terġa’ tibda tirranka l-ekonomija tal-pajjiż.
Madankollu, akkost din l-aħbar, il-Gvern Awstrijak qal li regoli stretti ta’ tbegħid soċjali se jibqgħu fis-seħħ, bin-nies jibqgħu mħeġġa jibqgħu d-dar u ma joħorġux ħlief għall-bżonn.
Il-pajjiż ġar tal-Ġermanja ra b’kollox aktar minn 14,000 każ, bi kważi 350 persuna jitilfu ħajjithom b’kawża tal-Covid-19.
Intant f’pajjiżi oħra Ewropej, Spanja fl-aħħar jiem ippermettiet lil numru ta’ ċittadini jirritornaw lura għax-xogħol u d-Danimarka qed tiftaħ mill-ġdid l-iskejjel għat-tfal żgħar.