Internazzjonali

L-Ukrajna: Nirien ‘taħt kontroll’ wara theddida għall-impjant ta’ Chernobyl

L-awtoritajiet Ukreni qalu li rnexxielhom jikkontrollaw nirien qalb foresta li kienu qegħdin jheddu l-impjant nukleari ta’ Chernobyl li ilu abbandunat għal snin. Is-servizzi għall-emerġenzi sostnew li għalkemm kien għad fadal id-dħaħen telgħin minn dik iz-zona ta’ foresta, huma rnexxielhom irażżnu l-fjammi qabel setgħu javvanzaw aktar.

L-impjant ta’ Chernobyl jibqa’ imfakkar għall-isplużjoni nukleari katastrofika tal-1986 li swiet il-ħajja ta’ ħafna nies u li xerrdet elementi radjuattivi madwar l-Ewropa.

Intant, l-awtoritajiet kienu qed jinkwetaw li n-nirien li qabdu sigħat ilu setgħu jkunu ta’ theddida diretta għas-sit, b’kelliema għal Greenpeace Russia jgħidu li parti min-nirien qalb foresta kienu waslu sa kilometru biss ‘il bogħod mill-impjant.

Għalkemm in-nirien huma komuni fiz-zona, l-inċident inkwistjoni kien l-agħar ta’ dan it-tip għal għexieren ta’ snin – bil-pulizija tarresta raġel ta’ 27 sena li ġie faċċjat b’akkużi li ‘qabbad in-nirien’.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li kien qed isegwi b’attenzjoni s-sitwazzjoni filwaqt li faħħar is-servizzi għall-emerġenzi għall-kuraġġ li huma wrew biex jikkontrollaw it-theddida.

Iz-zona li tinkludi l-impjant ta’ Chernobyl u l-belt ta’ Pripyat ( viċin) ilhom diżabitati mill-1986, anki jekk is-sit xorta attira numri kbar ta’ turisti fl-aħħar snin.