L-anzjani huma l-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Għaldaqstant jeħtieġ nieħdu kull miżura adegwata biex inħarsu lilhom u lill-persuni li jieħdu ħsiebhom. Sakemm qed inġarrbu din l-imxija tal-COVID-19, jeħtieġ nagħtu attenzjoni partikolari lill-aktar setturi fis-soċjetà tagħna li qed ibatu l-konsegwenzi.
Minħabba l-miżuri tant importanti tal-awtoritajiet tas-saħħa, ħafna mill-persuni vulnerabbli aktarx li spiċċaw jgħixu ħajjithom ‘il bogħod mill-familjari u l-ħbieb tagħhom u għalhekk ħafna mill-anzjani fi djarhom jew fid-djar tal-anzjani qed ibatu s-solitudni. Għalhekk jeħtieġ naraw kif nistgħu ntaffu dawn it-tbatijiet. Hekk qal il-Viċi Kap tal-PN David Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien ma’ Maria Deguara u Ivan Bartolo.
B’rabta mal-anzjani u l-pensjonanti, li l-età jew il-kundizzjoni ta’ saħħithom jagħmluhom persuni vulnerabbli, David Agius qal li l-Gvern jeħtieġ jiżgura li:
- Il-mediċini u r-rekwiżiti essenzjali tagħhom jirċevuhom fi djarhom ilkoll u ma jitħalla barra ħadd
- ma jbatux minħabba xi mediċini li qed ikunu out-of-stock
- ma jibqgħux iħallsu prezzijiet għaljin għall-mediċini u għal ċerti prodotti tal-iġjene
Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li għandu jiġi kkunsidrat li l-pensjonanti jirċievu bonus addizzjonali mal-pensjoni biex itaffilhom il-piż finanzjarju li qed ikollhom jerfgħu minħabba l-kriżi tal-COVID-19. Barra minn hekk, il-Gvern għandu jiżgura li l-persuni li jaħdmu mal-vulnerabbli u mal-anzjani ma jkunux nieqsa mir-riżorsi u t-tagħmir bħall-ilbies protettiv li jeħtieġu biex ħadd ma jkun fil-periklu. David Agius ħeġġeġ lill-Gvern u lill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jagħmlu ttestjar aktar estensiv fost il-care workers fid-djar tal-anzjani u fost l-anzjani residenti biex min jinstab infettat jitqiegħed f’iżolament.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista reġa’ tenna l-proposta tal-Oppożizzjoni biex b’effett mid-9 ta’ Marzu 2020, il-Gvern iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji Maltin b’50%, filwaqt li jwessa’ l-bands tal-eko-kontribuzzjoni għax il-familji qed jibqgħu id-dar u allura qed jikkunsmaw aktar dawl.

David Agius qal li għalkemm il-Gvern eskluda lill-Oppożizzjoni mid-diskussjonijiet matul din il-kriżi, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi. Huwa qal li agħar minn hekk, il-Partit Laburista fuq il-midja tiegħu xerred aħbarijiet foloz li l-Oppożizzjoni qed teħodha kontra xi sezzjoni tas-soċjetà, bħall-Forzi Armati li qed jagħmlu xogħol impekkabbli. David Agius qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem bis-sħiħ biex jiżgura li ħadd ma jibqa’ barra fit-tfassil tal-politika u se tissokta l-konsultazzjoni mal-esperti u l-NGOs biex il-Partit jibqa’ jħoss il-polz tal-poplu fl-oqsma rispettivi.
Maria Deguara qalet li l-COVID-19 jolqot lil kulħadd speċjalment lill-anzjani, bl-aħħar statistika turi li 15.8%, jew 67,000 persuna għandhom ‘il fuq minn 65 sena, u għalhekk jeħtieġ li noqgħodu iżjed attenti dwar ir-riskji li l-anzjani jaffaċċjaw. Hija qalet li rridu nassiguraw li l-anzjani josservaw l-miżuri li hemm bżonn, li jieklu ikel sustanzjuż, li jlaħħqu mal-ispejjeż ta’ kuljum, li qed jaslulhom l-mediċini li hemm bżonn u li jkollhom l-għajnuna medika u psikoloġika. Irridu naraw li l-virus ma jidħolx fi djar tal-anzjani u aktar attenzjoni lejn il-carers, fejn huma u dawk kollha li jaħdmu mal-anzjani jingħataw l-ilbies protettiv, meta nafu li dawn jistgħu jkunu carriers.

Maria Deguara qalet li għal ħafna anzjani m’huwiex faċli li jaddattaw f’dinja teknoloġika li tipprovdi li nibqgħu f’kuntatt bejnietna minkejja d-distanzi u wħud sabu ruħhom maqtugħin u dan l-iżolament qed iwassal għal trawma psikoloġika għal xi wħud, speċjalment dawk li jbatu bid-dimensja. Hija qalet li għalhekk għandu jkun hemm mekkanizmu biex s-saħħa mentali tal-anzjani, li jinsabu maqtugħin tiġi monitorata u jingħataw l-għajnuna kollha li hemm bżonn. Din il-pandemija għandha sservina ta’ tagħlima dwar l-importanza li ninvestu bis-sħiħ fis-saħħa, li dejjem inkunu ppreparati u ma ninqabdux fuq sieq waħda.

Ivan Bartolo qal li bla dubju s-solitudni żdiedet, l-aktar fost l-anzjani li qed jobdu d-direttivi u m’humiex joħorġu. Huwa ħeġġeġ il-komunikazzjoni kemm b’telefonata, video call u l-mezzi soċjali biex anzjani u persuni vulnerabbli ma jħossuhomx waħedhom. Il-Gvern għandu joffri sussidju lill-kumpaniji tat-telefonija, internet u televiżjoni biex jipprovdu aktar servizzi u jħajjru lill-anzjani jagħmlu aktar użu mit-teknoloġija. Ivan Bartolo qal NGOs li jiġġieldu l-faqar jinsabu mħassba li bil-kriżi preżenti aktar persuni fosthom dawk vulnerabbli jispiċċaw fix-xifer tal-faqar, u meta iżjed persuni spiċċaw jew waslu biex jispiċċaw mingħajr impjieg. Huwa ħeġġeġ lill-Gvern biex jipprovdi l-għodod neċessarji lill-NGOs sabiex jibqgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom lill-anzjani u l-persuni vulnerabbli f’dawn iż-żminijiet diffiċli.
Ivan Bartolo qal li fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha ħafna nies, anzjani u familji li jgħixu fil-kera huma inkwetati bis-sitwazzjoni. Is-sidien privati li jikru l-propjetà tagħhom għandhom jiġu inċentivati fiskalment mill-Gvern biex jagħtu moratorju ta’ sitt xhur fuq il-ħlas tal-kera, bit-terminu tal-kuntratt jiġi estiż bl-istess perjodu ta’ żmien. L-Awtorità tad-Djar għandha wkoll tagħti moratorju ta’ sitt xhur fuq il-ħlas tal-kera lil dawk il-persuni li qegħdin jibbenefikaw minn akkomodazzjoni soċjali. Huwa qal li b’dawn l-inizjattivi nkunu qegħdin ngħinu u nipproteġu lil min hu fil-bżonn.
Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Viċi Kap tal-PN u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja b’Saħħitha, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet Adegwati u Sostenibbli u Drittijiet tat-Tfal David Agius, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Anzjanità Attiva u Inklussiva u l-Persuni b’Abbiltajiet Differenti Maria Deguara u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Glieda kontra l-Faqar ta’ Kull Tip, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali Ivan Bartolo.


