14 TA’ APRIL 1975
Bħal-lum 45 sena, wasal f’pajjiżna l-istilla Brażiljan Edson Arantes do Nascimento jew aħjar kif kulħadd jafu Pelè. Il-Brażiljan wasal għal ħabta tas-2.15pm fuq ajruplan Alitalia quddiem pubbliku numeruż fil-gallerija ewlenija tal-ajruport. Barra minn hekk kien hemm streamer kbir bil-kliem “MERĦBA LIL PELÈ – MALTA LELCOMES PELÈ.” F’rapport ta’ Charles Camenzuli li deher fil-ħarġa ta’ In-Nazzjon tal-għada, Pelè qal; “Għadni kemm wasalt u nħossni ferm ferħan fl-ewwel żjara f’Malta. Ngħid il-verità, qatt ma bsart laqgħa bħal din. Naħseb f’pajjiżkom l-interess huwa l-istess livell f’pajjiżi oħra. Grazzi tal-akkoljenza.”
Pelè mar fil-Marsa Sports Ground fejn hemm ukoll kellu merħba kbira. Wara li ġie mdawwar mit-tfal taċ-Ċentru Sport Edukattiv taħt it-tmexxia ta’ Fr. Hilary Tagliaferro, Pelè għamel konferenza tal-aħbarijiet. Hawn spikkaw il-kummenti tiegħu fejn stqarr li l-aħjar tim Brażiljan kien dak tal-1970 filwaqt li l-karriera tiegħu nqasmet fit-tnejn. Hu jħoss li s-snin il-kbar tiegħu kienu bejn l-1958 u l-1962 u dawk tan-niżla bejn l-1963 u l-1965. Madankollu Pelè jemmen li bejn l-1967 u l-1971 reġa’ ħa r-ruħ. Hu jqis lill-Ingliż Bobby Moore, il-Portugiż Vincente u Varaca ta’ River Plate bħala l-aktar plejers li ħabbtuh.
L-għada fil-15 ta’ April, eluf ta’ spettaturi Maltin u barranin, attendew fl-Istadium tal-Gżira waranofsinhar biex jaraw lil Pelè fl-azzjoni. Wara t-3.30pm, kif ħareġ mil-karozza, Pelè beda t-taħriġ mat-tfal magħżula miċ-Ċentru Sport Edukattiv. Hu kellu l-assistenza tal-eks kowċ ta’ Santos il-Professur Julio Mazzei filwaqt li Fr. Hilary Tagliaferro serva ta’ interpretu u gwida għal dawk preżenti. Pelè li dak iż-żmien kellu 34 sena, wettaq għadd ta’ eżerċizzji fiżiċi u atletiċi li huma fundamentali bħal tqassim, daqqiet ta’ ras u preċiżjoni f’riflessi waqt il-partita.
//= $special ?>