Storja u riċerka ta’ M.E. Camilleri
Fit-3 ta’ April li għadda, fil-belt kapitali Ingliża Londra saret l-inawgurazzjoni ta’ dak li ssemma bħala NHS Nightgale Hospital. Sptar li jista’ jilqa’ fih sa erbat elef pazjent, li kien trasformat f’temp ta’ disat ijiem minħabba l-kriżi sanitarja maħluqa mill-imxija tal-coronavirus.
Dan l-isptar enormi nbena fil-Lvant tal-belt fejn sa ftit qabel kien hemm l-ExCel Conference Centre fuq art li ngħatat b’xejn lill-Gvern Ingliż mis-sidien minn Abu Dhabi.
Dan l-isptar kellu jkun inawgurat uffiċjalment minn Prince Charles, Prinċep Eredi għat-Tron tar-Renju Unit, fil-preżenza tas-Segretarju għas-Saħħa Ingliż, Matt Hancock, li ftit ġranet qabel kien għadu kif irritorna għal dmirijietu wara li fieq mill-COVID-19.
Imma l-pjani kellhom jinbidlu xi ftit meta fil-25 ta’ Marzu – ftit jiem biss qabel l-inawgurazzjoni tal-isptar il-ġdid – Clarence House li hi r-residenza uffiċjali ta’ Prince Charles u martu d-Dukessa ta’ Cornwall (Camilla Parker Bowles) f’Londra, ħabbret li l-Prinċep kien ittestja pożittiv għall-virus.
Immedjatament malli kienet konfermata l-aħbar, Prince Charles ħalla Londra u mar fir-residenza tiegħu fl-Iskozja f’iżolament volontarju. Kien jidher ċar li fortuntament il-virus ma kienx ħakmu ħafna.
Fil-fatt f’dawn il-ġranet kien dikjarat imfejjaq u qed jagħmel perjodu ta’ konvalexxenza. M’għadux aktar jgħix f’iżolament tant li ngħaqdet lura miegħu martu Camilla.
Għalkemm kien indispost, Prince Charles wera x-xewqa li jkun xorta waħda hu li jinawgura uffiċjalment l-isptar il-ġdid f’Londra. Għalhekk dakinhar tal-inawgurazzjoni sar videolink bejn ir-residenza tiegħu fl-Iskozja u d-daħla tan-NHS Nightingale Hospital.
Prince Charles fl-Iskozja kien fir-residenza magħrufa bħala Birkhall li qiegħda f”Balmoral Estate li r-Reġina għandha f’Aberdeenshire. F’Birkhall sal-bidu tas-seklu, kienet tgħix Omm ir-Reġina, sakemm mietet fl-2002. Prince Charles minn dejjem kien qrib ħafna ta’ din in-nanna tiegħu.
Waqt dan il-kollegament ma’ Prince Charles, intwera messaġġ li l-istess Duka ta’ Cornwall – it-titlu uffiċjali ta’ iben il-kbir tar-Reġina tal-Ingilterra – kien irrekordja qabel.
Wara l-inawgurazzjoni, Clarence House ppubblikat ritratt ta’ Prince Charles jirrekordja l-messaġġ, għaliex il-fotografi ma setgħux ikunu preżenti ovvjament.
Filwaqt li l-għada tal-inawgurazzjoni l-gazzetti u l-istazzjonijiet tat-televiżivi taw prominenza lill-messaġġ ta’ Prince Charles, fil-ġranet ta’ wara – partikolarment permezz tal-verżjonijiet tagħhom online – ma naqsux li janalizzaw dan ir-ritratt. Indikazzjoni ċara ta’ kif il-membri tal-familja rjali Ingliża huma letteralment ‘assedjati’ mill-midja.
Waħda minn dawn il-verżjonijiet, kienet id-Daily Mail online. Din saħansitra nnumerat l-oġġetti li kien hemm fil-kamra – deskritta bħala drawing room. U fost dawn l-oġġetti, bin-numru 5 kien indikat ritratt li kien ittieħed f’Malta fl-1954. Dawn l-affarijiet kienu deskritti mis-sit elettroniku bħala ‘t-teżori personali’ tal-prinċep.
Dan ir-ritratt, li kien ittieħed minn Anwar Hussein, juri lil Prince Charles li kien għad kellu biss 5 snin, jagħti jdejh lil oħtu Princess Anne li kellha sentejn iżgħar minnu, biex tinżel it-turġien ta’ barra tal-Lukanda Phoenicia fil-Furjana.
Kważi 66 sena ilu, il-ġurnali Ingliżi kollha kienu rrimarkaw taħt ir-ritratt, li Prince Charles diġà kien juri li hu “a perfect gentleman”. Dakinhar li ttieħed dan ir-ritratt, iż-żewġ prinċpijiet kienu għadhom kif niżlu minn waħda mill-gallarijiet miftuħa tal-lukanda, minn fejn setgħu jsegwu bil-kwiet u għad-dell mix-xemx, il-parata militari li kienet saret fix-Xagħra tal-Furjana – illum imsejħa l-Arena tal-Indipendenza u dak iż-żmien il-Floriana Parade Ground.
Dik il-parata kienet saret fil-preżenza tar-Reġina Eliżabetta II, li bejn it-3 u s-7 ta’ Mejju kienet qed tagħmel l-ewwel żjara uffiċjali tagħha f’Malta bħala Reġina. Il-highlight ta’ dik iż-żjara kienet l-inawgurazzjoni tal-Air Force Memorial, il-monument tawwali b’ajkla tad-deheb fuqu li jisab qrib l-MCP Car Park il-Furjana.
Ir-Reġina kienet akkumpanjata mir-raġel tagħha d-Duka ta’ Edinburgh. Flimkien kienu qed iżuru numru ta’ pajjiżi. Il-prinċpijiet kienu waslu Malta xi ġranet qabel ma waslet f’Malta l-koppja rjali fuq il-jott ‘Britannia’. Il-prinċpijiet kienu fdati f’idejn iz-ziju tad-Duka tal-Prinċep Philip, Lord Mountbatten, u martu Edwina.
Prince Charles, li llum għandu 71 sena, mhux l-ewwel darba li stqarr pubblikament li kellu tifkiriet sbieħ ta’ Malta meta kien għadu żgħir. (Fir-ritratt- Prince Charles jagħti jdejh lil oħtu Princess Anne biex jgħinha tinżel it-taraġ ta’ barra tal-Lukanda Phoenicia l-Furjana, fejn kienu ttieħdu biex isegwu l-parata li kienet għaddejja fix-Xagħra).
//= $special ?>