Il-Ministru responsabbli għas-saħħa pubblika, flimkien u f’konsultazzjoni mal-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji, ħareġ Moratorju fuq ir-Regolamenti tal-Faċilitajiet ta’ Kreditu f’Ċirkostanzi Eċċezzjonali permezz tal-Avviż Legali 142 tal-2020.
L-istituzzjonijiet tal-kreditu u finanzjarji liċenzjati mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta ġew ordnati permezz ta’ dawn ir-Regolamenti sabiex joffru sitt xhur moratorju fuq il-ħlasijiet lura tal-kapital u l-imgħax għal min jissellef u li ġie affettwat b’mod negattiv mill-COVID-19.
B’konformità ma’ dawn ir-Regolamenti, il-Bank Ċentrali ta’ Malta ħareġ id-Direttiva 18 sabiex jiddefinixxi l-eliġibbiltà tal-moratorju u kundizzjonijiet oħra relatati mal-implementazzjoni tal-provvedimenti tar-Regolamenti.
Il-moratorju japplika għal faċilitajiet ta’ kreditu li ngħataw qabel l-1 ta’ Marzu 2020 – kemm jekk huma individwi, households jew negozji – u li jistgħu juru li ġew affettwati ħażin mill-pandemija.
Applikazzjonijet għandhom isiru mal-istituzzjoni tal-kreditu jew finanzjarja rispettiva tagħhom sat-30 ta’ Ġunju 2020. Il-Ministru ghas-Saħħa, f’konsultazzjoni mal-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji, jista’ jiddeċiedi li jestendi t-tul tal-moratorju u t-tul tal-perjodu għall-applikar.
Il-perjodu ta’ sitt xhur moratorju jibda b’effett mid-data tal-approvazzjoni tal-applikazzjoni. Moratorju huwa sospensjoni temporanja tal-obbligi ta’ ħlas lura ta’ min jissellef.
Għalhekk, dawk li jissellfu u li huma eliġibbli għal dan il-moratorju ser ikunu jistgħu jipposponu ħlasijiet lura tal-kapital u/jew tal-imgħax għal data iktar ’il quddiem – mingħajr l-ebda penali jew tariffi ta’ ristrutturar/amministrattivi.
Dawn huma wħud mill-punti prinċipali fid-Direttiva: Il-moratorju ma jingħatax awtomatikament, u l-applikazzjoni ta’ min jissellef għandha ssir mal-istituzzjoni tal-kreditu jew finanzjarja rispettiva.
Il-moratorju jidħol b’effett meta l-applikazzjoni tkun approvata. Min jissellef għandu sat-30 ta’ Ġunju biex japplika. Jekk diġà bdejt moratorju offrut minn min jislef, iżda tħoss li t-termini skont id-Direttiva huma aktar vantaġġjużi, tista’ tinnegozja mill-ġdid it-termini soġġetti għal ftehim mal-istituzzjoni tal-kreditu jew finanzjarja.
L-istituzzjonijiet tal-kreditu u finanzjarji għandhom id-dritt li jirrifjutaw l-applikazzjoni sakemm dan isir skont it-termini tad-Direttiva. Madankollu, jekk jogħġbok innota li dawk li jissellfu u li għandhom ħlasijiet lura pendenti datati qabel l-1 ta’ Marzu 2020 mhumiex eliġibbli għall-moratorju.
Min jissellef jista’ japplika li joqgħod lura mill-ħlasijiet, kemm tal-kapital u tal-imgħax, għal sitt xhur sħaħ, u jista’ jagħżel ukoll li jkompli jħallas l-imgħax iżda mhux il-kapital.
Il-ħlasijiet differiti matul il-moratorju ser jitħallsu waqt estensjoni ta’ sitt xhur tat-terminu tal-faċilità ta’ kreditu. Jekk il-faċilità ta’ kreditu kienet ser timmatura fl-età tal-irtirar, il-ħlasijiet differiti għandhom jinfirxu b’mod uniformi matul it-terminu li jifdal tal-faċilità tal-kreditu wara t-tmiem tal-perjodu ta’ moratorju.
Id-Direttiva 18 inħarġet wara konsultazzjoni mal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta u l-Assoċjazzjoni tal-Bankiera Maltin. Il-Bank ipprepara linji gwida sabiex jispjega t-termini u l-kundizzjonijiet.
//= $special ?>