Internazzjonali

Stati Uniti: Sanders jappoġġja l-kampanja ta’ Biden għall-Presidenza

Is-Senatur ta’ Vermont, Bernie Sanders, ikkonferma l-appoġġ tiegħu għall-eks rivali Joe Biden –  u wara li talaħħar aċċerta mill-kandidatura tal-Partit Demokratiku biex, f’Novembru, jisfida lill-President Repubblikan Donald Trump għat-tmexxija tal-Istati Uniti.

Sanders, li kien spiċċa ‘l-aħħar sfidant’ ta’ Biden għall-kandidatura, kien irtira mit-tellieqa bejn id-Demokratiċi matul il-ġimgħa li għaddiet u fejn, effettivament, ħalla lil Joe Biden bħala l-uniku kandidat.

Bernie Sanders, fl-aħħar sigħat, ħeġġeġ biex l-Amerikani kollha jingħaqdu f’għan komuni u jiġbdu ħabel wieħed ħalli jiċħdu lil Donald Trump minn tieni mandat ta’ tmexxija. Sanders anki rrefera għal Trump bħala ‘l-aktar President perikoluż fl-istorja moderna tal-Istati Uniti’. L-appell ta’ Sanders kien indirizzat ukoll ‘lill-indipendenti u r-Repubblikani’ li jridu jingħaqdu wara l-kampanja tad-Demokratiċi.

Intant, Biden, li hu eks Viċi-President Amerikan, irringrazzja lil Biden għall-appoġġ tiegħu permezz ta’ messaġġ dirett fuq split-screen webcast.  Hu qal li għandu bżonn l-appoġġ ta’ Sanders u faħħar lis-senatur ‘talli poġġa l-interessi tal-pajjiż u l-ħtieġa li jegħlbu lil Trump qabel kull kunsiderazzjoni oħra’.

Joe Biden u Bernie Sanders, fil-preżent, qegħdin iwaqqfu working groups li jindirizzaw aspetti ta’ politika li jinkludu l-kura tas-saħħa u l-bidliet fil-klima.