Internazzjonali

Coronavirus: Jinfetħu l-iskejjel tat-tfal fid-Danimarka

It-tfal ta’ mhux aktar minn ħdax-il sena qed jirritornaw fl-iskejjel u n-nurseries madwar id-Danimarka, li saret l-ewwel pajjiż Ewropew li naqqas mir-restrizzjonijiet dovuti għall-coronavirus fil-qasam tal-edukazzjoni.

Il-Prim Ministru tad-Danimarka, Mette Frederiksen, laqgħet lit-tfal li rritornaw għal-lezzjonijiet f’Kopenhagen u bliet oħrajn u wara li l-pajjiż kien mal-ewwel Stati Ewropej li imponew il-lockdown – fost l-għeluq tal-iskejjel fit-12 ta’ Marzu.

Ir-rati tal-infezzjonijiet fid-Danimarka huma baxxi, iżda l-kritiċi wissew li dan il-pass fis-settur edukattiv hu wieħed riskjuż. Dan fost twissijiet ‘għall-ħasil kontinwu tal-idejn u biex in-nies ( u t-tfal) iżomm distanza xierqa minn xulxin’.

Sadanittant, il-Kap tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, fasslet roadmap għat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet tul l-Unjoni Ewropea ta’ 27 Stat. Fl-istess ħin, hi għamlitha ċara li ‘dan ma jridx ikun interpretat bħala sinjal biex il-miżuri implimentati mill-pajjiżi s’issa jitneħħew b’mod immedjat’.