Spanja sofriet daqqa ta’ ħarta oħra… Dan wara li l-każi kkonfermati tal-Covid-19 fil-pajjiż żdiedu bi kważi 5,100 għall-ammont ta’ 177,633.
Din kienet l-ogħla qabża fl-infezzjonijiet fost l-Ispanjoli għal dawn l-aħħar ħamest ijiem.
Il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez, qal li l-ħajja fil-pajjiż mhix se tirritorna għan-normal sakemm tinstab tilqima effettiva għal kontra l-virus. Dan meta Spanja kkonfermat ‘il fuq minn 18,500 vittma tal-effetti ta’ Covid-19.
Il-Ġermanja rappurtat li ċ-ċifra tal-imwiet mill-coronavirus f’artha żdiedet għal 3,254 wara li kienu kkalkulati l-vittmi tal-aħħar 24 siegħa.
Minkejja dan, kienu għaddejjin it-taħditiet għat-tneħħija ta’ xi miżuri u restrizzjonijiet fil-programm tal-pajjiż kontra l-firxa tal-infezzjoni.
Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel qed tinvolvi ruħha f’taħditiet mal-mexxejja tas-Sittax-il Stat tal-pajjiż u meta l-Gvern ta’ Berlin irid li r-restrizzjonijiet għall-movimenti tan-nies jibqgħu effettivi sat-3 ta’ Mejju.
Intant, mistenni wkoll li xi ħwienet fil-Ġermanja jerġgħu jiftħu taħt kundizzjonijiet stretti mill-20 ta’ April.
//= $special ?>