Coronavirus Lokali

COVID-19: 6 każi ġodda f’pajjiżna

Huma 399 il-każi pożittivi f’Malta wara li Profs. Charmaine Gauci ħabbret li fl-aħħar 24 siegħa l-każi ġoda f’pajjiżna żiedu b’6.

Nofs il-pożittivi tal-lum huma residenti miċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far; rġiel mill-Bangladesh, Senegal u Eritrea rispettivament.

Ittestja pożittiv ukoll żagħżugħ ta’ 21 sena, student Malti, kien kuntatt ta’ każ ieħor pożittiv. Huwa kellu ftit kuntatt max-xogħol.

Għawdxija ta’ 38 sena li taħdem f’lukanda – hija ħadmet l-aħħar fl-14 ta’ April – u twettaq contact tracing fost il-kollegi tagħha.

Raġel Malti ta’ 60 sena – jaħdem bħala clerk mal-Gvern u għaddejjin il-contact tracing fost l-impjegati.

Is-Suprintendent tad-Direttorat tas-Saħħa Pubblika saħqet li din is-sitwazzjoni qed iġġib fuq bosta, ansjetà l-għaliex mhux qed ngħixu fi żminijet normali. Hija appellat sabiex jagħmlu kuntatt mal-professjonisti fis-saħħa mentali fosthom Richmond Foundation direttament fuq il-helpline 1770 – li s’issa għamlu użu minnu 350 persuna.

Profs. Gauci kkonfermat li fil-jiem li għaddew kien hemm każ pożittiv fil-Port Ħieles madanakollu saħqet li dan il-ħaddiem ma jkollux eżpożizzjoni mal-bqija tal-impjegati l-oħra.

Hija spjegat ukoll li minn dawn l-20,000 u aktar mill-iswab tests li twettqu s’issa fosthom, hemm tests fuq persuni ripetuti. Dan ifisser li fosthom hemm it-testijiet li twettqu fuq persuni pożittivi sabiex it-timijiet mediċi jaraw dak li jkun għadux infettat jew le.

Profs. Charmaine Gauci kkonfermat ukoll li trabi tat-twelid qed jitqiesu bħala vulnerabbli wkoll.