Coronavirus Lokali

Covid-19 tbiddel l-użu tas-servizzi tal-komunikazzjoni

Il-mod li bih in-nies f’Malta jużaw is-servizzi ta’ komunikazzjoni għadda minn bidla bla preċedent fi żmien xahar mill-ewwel każ Covid-19. Id-dejta ta’ Marzu li ġiet rilaxxata minn Melita, tenfasizza bidliet drammatiċi fis-servizzi kollha tal-kumpanija bil-minuti fissi ta’ telefonati jiżdiedu b’aktar minn 60 fil-mija, l-użu tal-internet jikber b’70 fil-mija, u n-numru ta’ nies li jaraw it-TV jiżdied bi 42 fil-mija.

Simon Montanaro, l-Uffiċjal Kap Tekniku ta’ Melita Limited, qal, “L-imxija ta’ Covid-19 ġabet magħha tibdil mingħajr preċedent f’ħajjet in-nies madwar id-dinja, inkluż Malta.

Hekk kif eluf qed jibqgħu sikuri d-dar, aktar nies qed jirrikorru għall-internet għax-xogħol, għat-TV għad-divertiment u għal voice calls biex jibqgħu f’kuntatt. Il-konnettività hija kritika issa li ħafna nies jiddependu fuqha biex iżommuhom f’kuntatt għax-xogħol, l-iskola, il-familji u għall-aċċess għall-informazzjoni. ”

Fost l-aktar xejriet interessanti hemm ir-ritorn għall-użu tal-linji fissi tad-dar fejn in-numru ta’ telefonati waqt l-iktar sigħat bieżla żdied b’97 fil-mija. Mhux biss in-numru ta’ telefonati fissi qed jiżdied iżda anki l-ħin tat-telefonati, bin-numru totali ta’ minuti qed jiżdied b’70 fil-mija u l-ħin medju ta’ telefonati qed jiżdied bi 28 fil-mija.

Fl-istess waqt, l-użu tal-mowbajl żdied ukoll bl-għadd ta’ minuti ta’ telefonati jikber b’29 fil-mija u s-sejħiet qed idumu 26 fil-mija iktar fit-tul. Kienet irreġistrata wkoll żieda ta’ 18 fil-mija fl-użu tad-dejta mobbli.

B’numru ikbar ta’ nies jaħdmu mid-dar, tfal ’il bogħod mill-iskola, u eżiġenza ikbar għall-informazzjoni, iż-żieda fl-użu tal-internet kienet ukoll notevoli. L-użu kumplessiv huwa itqal bl-uploads jiżdiedu b’għaxar darbiet, riflessjoni tal-fatt li ħafna nies qed jaħdmu mid-dar, iżda wkoll l-iktar sigħat bieżla żdiedu minn filgħaxija u issa qed jestendu matul il-ġurnata.

Żidiet sinifikanti ġew irreġistrati wkoll fl-użu tal-wi-fi tad-dar. Il-perjodi itwal li n-nies qed iqattgħu d-dar irriżultaw f’żieda fl-għadd ta’ nies li jaraw it-TV, u fl-ammont ta’ sigħat li jaraw. Is-sigħat totali ta’ kuljum, inkluż l-użu ta’ servizzi tat-TV interattivi bħalma huma l-catch-up u record żdiedu b’19 fil-mija.

“Minkejja din id-domanda addizzjonali fuq is-servizzi kollha tagħna, in-netwerks ta’ Melita qed ikomplu jaħdmu tajjeb ħafna u kburin li s’issa evitajna konġestjoni.

“Użajna kontinġenzi u aċċellerajna l-aġġornamenti ppjanati marbuta mal-kapaċità, u dan minkejja li nibqgħu nesperjenzaw domandi ogħla nistennew li nibqgħu kapaċi nwasslu servizzi b’mod affidabbli lill-klijenti kollha tagħna,” ikkonkluda Montanaro.