Coronavirus Formula 1 Sport

Dubju wkoll dwar il-Grand Prix tal-Belġju minħabba deċiżjoni tal-Gvern Belġjan

(Ritratt: EPA)

Id-destin tal-Grand Prix tal-Belġju wkoll jinsab f’dubju wara li llum il-pajjiż estenda s-sospensjoni fuq attivitajiet tal-massa sal-aħħar ta’ Awwissu minħabba l-pandemija tal-coronavirus. It-tellieqa fiċ-ċirkwit ta’ Spa-Francorchamps hi skedata għat-30 ta’ Awwissu.

Il-Prim Ministru Sophie Wilmes qalet f’konferenza stampa li l-Gvern u l-esperti mediċi u ekonomiċi se jiltaqgħu l-ġimgħa d-dieħla biex mill-bidu ta’ Mejju jorganizzaw ritorn gradwali lejn in-normalità. Id-direttur kummerċjali tat-tellieqa Stijn de Boever qal li fil-jiem li ġejjin se jsaqsu ħafna mistoqsijiet u jikkunsidraw l-għażliet tagħhom.

L-għażliet huma li jew it-tellieqa tkun posposta jew issir mingħajr spettaturi. De Boever kompla li huma xorta jkollhom ħafna nies preżenti biex jorganizzaw l-avveniment u saqsa x’wieħed ifisser b’avveniment tal-massa, f’termini ta’ numru ta’ persuni.

L-istaġun tal-Formula 1 għadu jrid jibda, b’disa’ tlielaq sa issa ġew posposti jew ikkanċellati. L-ewwel tellieqa skedata hi ta’ Franza fiċ-ċirkwit ta’ Le Castellet fit-28 ta’ Ġunju. Sa issa għad m’hemmx konfermi iżda jidher li se tkun posposta hekk kif il-pajjiż żied is-sospensjoni fuq attivitajiet pubbliċi sa nofs Lulju. Iżda l-Formula 1 tkellmet dwar il-possibbiltà li tibda l-istaġun mingħajr spettaturi biex tal-anqas tilħaq l-obbligi kummerċjali.

Intant il-Ministru tal-Isport fl-Awstrija qal li l-Gvern mhux qed jopponi li t-tellieqa tal-5 ta’ Lulju fiċ-ċirkwit ta’ Red Bull Ring issir mingħajr spettaturi.