Kien ezatt sena ilu meta Franza – u l-kumplament tad-dinja – tbikkmu wara li nirien kbar qerdu parti kbira mill-Katidral ta’ Notre Dame, f’Pariġi….
Minn dak iż-żmien, l-esperti bdew iħejju għar-restawr ta’ dan il-katidral li jissimbolizza l-ispirtu tal-Franċiżi, iżda għalissa ħadd ma jaf id-data eżatta meta għandu jibda tassew il-proġett.
Sena ilu, l-iskwadri għall-emerġenza għamlu li setgħu biex isalvaw il-katidral waqt li folol kbar ta’ nies inġabru, xukkjati, isegwu l-fjammi telgħin minn mal-ħitan u l-kampnari.
Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, kien ħabbar li n-Notre Dame għandu jinbena mill-ġdid waqt li sostna li l-katidral se jkun isbaħ milli qatt kien. Macron tenna l-impenn biex il-bini mill-ġdid tan-Notre Dame ikun komplut f’ħames snin — b’numru kbir ta’ periti, inġiniera, arkeoloġisti, xjenzati u storiċi tal-arti jagħtu sehemhom f’analiżi sħiħa tal-ħsarat li ġarrab il-katidal li ilu wieqaf għal 850 sena.
Fost il-ħafna domandi, hemm dawk li jirrigwardaw il-ġebel tal-katidral li kienu salvati mill-bini u li ma jista’ imisshom ħadd sakemm l-esperti kwalifikati janalizzaw il-ħsarat li ġarrbu. Wieħed, hawnhekk, qed jistaqsi wkoll – sena wara – sa liema punt dawn il-ġebel jistghu jintużaw mill-ġdid fil-proċess ta’ restawr.
L-esperti li llum qegħdin jaħdmu fuq il-proġett Notre Dame jinkludu mhux biss il-ġeoloġisti iżda anki mikrobioloġisti u inġiniera kimiċi. Dawn l-esperti jafu kif jitrattaw kull tip ta’ materjal – ġebel, injam, metall u tessuti – u ‘il quddiem hu ittamat li jirnexxilhom jirrestawraw dan il-monument storiku b’mod ħolistiku.
Madankollu, l-esperti llum qed jammettu– b’sens kbir ta’ dispjaċir – li sa dan il-punt, ma jistgħux jikkonkludu kwalunkwe riżultat finali konness mar-restrawr.
//= $special ?>