Coronavirus Lokali Saħħa

“Għad fadal għan-normalità” – Uffiċjal Għoli tad-WHO

Għad fadal biex nirritornaw għan-normalità … anzi, għadna rridu naħsbu mill-ġdid xi tfisser normalità. U aktarx se nidħlu f’fażi li twassalna għal normalità ġdida.

Kliem it-Tabiba Catherine Smallwood, Uffiċjal Għoli fl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa – l-għaqda internazzjonali li qed issegwi l-ħidma madwar id-dinja kontra l-pandemija tal-Coronavirus. U Smallwood innifisha hi esperta f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza dinjija, kif ukoll kienet parti essenzjali mit-tim ta’ professjonisti tad-WHO fil-ġlieda kontra pandemiji oħrajn, fosthom l-Ebola, u sitwazzjonijiet ta’ emergenza bħal dawk fis-Sirja.

Pożizzjoni kontrastanti ma’ dik li qed jieħu l-Prim Ministru Malti Robert Abela, tant l-Ħadd li għadda qal li qed noqorbu lejn in-normalità. Iżda anke l-Awtoritajiet tas-Saħħa lokali, immexxija mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, kif ukoll il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, qed itennu l-appell għall-kawtela – bid-diskors tal-Prim Ministru jikkuntrasta ferm.

Sadanittant, fl-istess intervista, Catherine Smallwood qalet li f’dan l-istadju mhux eskluż li kull pajjiż jgħaddi anke mit-tieni mewġa tal-pandemija, bħalma qed jiġri f’pajjiżi kbar bħaċ-Ċina.

Mistoqsija minn Robert Cremona, l-Uffiċjal tad-WHO qalet li f’dan l-istadju għadu mhux possibbli jkun stabbilit żmien meta se jinstab vaċċin kontra l-Covid-19, għalkemm irrikonoxxiet il-ħidma kontinwa li qed issir minn għad ta’ Xjentisti u Riċerkaturi madwar id-dinja kollha fuq madwar 40 tip ta’ vaċċin differenti.

Dwar l-użu ta’ maskri mediċi, Catherine Smallwood spjegat li l-pożizzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa hi li dawn għandhom jintużaw minn ħaddiema fil-qasam tas-Saħħa, minn dawk li għandhom problemi respiratorji u ma jifilħux, kif ukoll minn dawk li jieħdu ħsieb lill-pazjenti li ntlaqtu mill-Coronavirus.

Min-naħa l-oħra, s’issa għadu ma nstabx li dawn jagħmlu differenza lil dawk li jinsabu f’saħħithom u għalhekk, l-użu tal-maskri mediċi minn dawn in-nies s’issa għadha mhix tiġi rakkomandata.