Lokali

Il-Fgura tibki t-telfa ta’ ‘Żaren tal-Mużew’

“Persuna li titsta’ tgħid li attenda kważi kull funeral fil-Fgura, imma proprju miet f’dan iż-żmien partikulari fejn ma jistax isirlu funeral”. Dan kien kliem il-Paroċċa tal-Fgura fuq il-midja soċjali mal-aħbar tal-mewt ta’ Nazzaren Farrugia – ikona u pilastru fil-komunità tal-lokal tal-Fgura.

https://www.facebook.com/100000334247354/posts/3029371960417249/?sfnsn=mo&extid=LGIolAkrgsE9tgDj&d=n&vh=i

L-Erbgħa filgħodu tħabbret il-mewt ta’ Nazzaren, maħgruf aħjar bħala Żaren, fl-età ta’ 77 sena fejn bosta persuni fuq il-midja soċjali ġeddew il-memorja tiegħu – lkoll kemm huma jiddeskrivuh bħala persuna mill-aħjar, dejjem preżenti sabiex jgħin lill-membri tal-komunità, raġel mimli umiltà u ta’ eżempju.

Numru ta’ persuni li tkellmu magħna saħqu li jiftakru lil Żaren dejjem preżenti fil-Knisja tal-Fgura waqt il-quddies, dejjem lest sabiex jgħin lil ħaddieħor u dejjem pront sabiex jagħti parir siewi lil dak li jkun.

Oħrajn saħqu li jiftakruh Superjur meta kienu għadhom subien jippreparaw għall-ewwel tqarbina jew għal griżma tal-Isqof – jgħallimhom il-valuri nsara, valuri li ‘il quddiem kienu ta’ għajnuna biex saru l-irġiel li huma llum.

Din is-sena qed jiġi mfakkar is-60 anniversarju mit-twaqqif tal-qasam tal-Mużew fil-Fgura, iżda dan mhux biss l-għaliex l-istess Żaren kien se jagħlaq 60 sena soċju.

Għal 36 serva bħala Superjur tal-Mużew tas-subien fil-Fgura u ħadem bil-kbir sabiex bejn l-aħħar tad-disgħinijiet u l-bidu ta’ snin 2000 nbena u nfetaħ mużew ġdid, akbar, aktar spazjuż u aktar viċin il-Parroċċa tal-Fgura. Żaren kien ukoll volontier fil-Parroċċa tal-Fgura u kien jgħin fil-librerija tal-lokalità.

Żgur li bniedem bħal Żaren ser jibqa’ fil-qlub ta’ bosta mhux biss fil-familja tal-Mużew iżda f’qalb il-Fgurin u lil’hinn minnhom.

Strieħ fis-sliem Żaren.