Coronavirus Futbol Sport

Il-plejers ta’ Parma jaqblu għal xahar tnaqqis fis-salarju

(Ritratt: EPA)

Il-plejers u membri tal-istaff ta’ Parma qablu li jnaqqsu s-salarju tax-xahar biex jgħinu lill-klabb f’dan il-mument ta’ inċertezza minħabba l-coronavirus. Parma saru t-tielet klabb tas-Serie A li qabel dwar tnaqqis fis-salarji wara Juventus u Cagliari.

Is-Serie A ilu sospiż mid-9 ta’ Marzu u għadu mhux magħruf meta l-istaġun se jkompli. Parma qalu li l-ftehim sar unanimament fid-dawl tal-emerġenza li qed twassal biex l-attivitajiet sportivi kellhom impatt ekonomiku. Il-klabb Taljan irringrazzja lill-membri tal-istaff tas-sens ta’ responsabbiltà li urew f’dan il-mument diffiċli.

Il-ġimgħa l-oħra, il-Lega Serie A rrakkomandat li l-klabbs jimponu tnaqqis ta’ bejn xahrejn u erba’ xhur salarju fuq il-plejers biex jgħinuhom f’din il-kriżi, għalkemm ħallew f’idejn kull klabb biex jimplimentaw il-miżuri. L-union tal-plejers fl-Italja qalet li l-proposta hi inaċċettabbli u minn dakinhar is-sitwazzjoni staġnat.