Coronavirus Lokali

“Irridu nisimgħu, nifhmu u ngħinu b’kull mezz” – Adrian Delia lill-NGOs

Irridu nisimgħu, nifhmu u ngħinu b’kull mezz lill-għaqdiet non-governattivi b’qafas regolatorju aktar b’saħħtu skont is-setturi li jirrappreżentaw. Impenn qawwi mill-Partit Nazzjonalista biex il-ħidma ta’ dawn l-għaqdiet tkun faċilitata.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa virtwali ma’ 14-il NGO, fid-dawl tal-isfidi li anke huma qed jiffaċċjaw kawża tal-pandemija tal-Coronavirus.

Hu qal li ma jistax ikun li l-NGOs qed ikollhom jaħlu ħafna minn ħinhom biex jaraw li jkollhom ir-riżorsi meħtieġa. Dan anke fid-dawl tal-ispejjeż li żdidulhom u n-nuqqas ta’ dħul li qed ikollhom jiffaċċjaw minħabba li lanqas jistgħu jagħmlu attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi.

Fost il-parteċipanti spikkat il-karba li s’issa, il-Gvern għadu ma inkluda lil ħadd minnhom fl-iskemi ta’ għajnuna li qed jagħti. U dan minkejja li bejniethom, l-NGOs jimpjegaw 5,244 impjegat, flimkien mal-eluf ta’ voluntiera oħrajn li jagħtu sehemhom.

Fl-ewwel minn sensiela ta’ laqgħat ma’ dawn l-organizzazzjonijiet, Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jrid joħloq pjattaforma biex jisaħħaħ il-pedament finanzjarju, filwaqt li joħloq katina ħalli dawn ikunu f’armonija bejniethom u ħidmiethom tkun iffaċilitata.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Robert Farrugia qal li l-Kunsill jilqa’ b’ottimiżmu l-pass tal-Partit Nazzjonalista biex l-NGOs ikunu jistgħu jaħdmu aktar flimkien. Kien għalhekk li faħħru il-pass ta’ konsultazzjoni li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista b’laqgħat bħal din.

Fost dawk li pparteċipaw kien hemm ukoll il-President Emeritus ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, bħala rappreżentanta ta’ waħda mill-NGOs, li faħħret l-impenn ta’ kulħadd biex ir-riżorsi jingħaqdu u jissaħħu.

Għal din l-ewwel laqgħa minn sensiela ppjanata għall-futur qrib – ikkordinata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Robert Cutajar – ipparteċipaw l-għaqdiet Creche, Caritas Malta, Fondazzjoni Nazaret, l-Assoċjazzjoni tal-NGOs f’Għawdex, Oasi, Osanna Pia, Mamma Margherita, Fondazzjoni Suret il-Bniedem, Fondazzjoni Richmond, Dar tal-Providenza, Dar Merħba Bik, Fondazzjoni Sebħ, Fondazzjoni Jean Antide u l-Kunsill Nazzjonali tal-NGOs.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius, is-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech u d-Deputati Claudette Buttigieg, Ivan Bartolo, Maria Deguara u Chris Said.