Coronavirus Lokali

Konna nkunu aħjar kieku għamilna l-kwarantina bil-multi mill-ewwel – Chris Fearne

Jikkonferma li kien hemm żieda fil-prezzijiet tal-mediċina

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li Malta u Għawdex kienu jkunu f’pożizzjoni aħjar kieku l-Gvern introduċa l-kwarantina bil-multi mill-ewwel lil dawk il-persuni fost oħrajn li kienu ġejjin minn barra, milli ħalla l-kwarantina volontarja- fil-bidu li tfaċċat din il-kriżi. Dan sostnieh f’intervista ma’ Lovin Malta hekk kif spjega li meta wieħed iħares lura mishhom introduċew il-multi aktar kmieni.

Il-Ministru ikkonferma wkoll storja ta’ Net News. Huwa saħaq li kien hemm żieda fil-prezzijiet ta’ xi mediċini u sostna li dan huwa konsegwenza tad-demand u s-supply – dan ifisser li minħabba li t-talba tiżdied inevitabbilment il-prezzijiet ser ikunu qed jiżdiedu.

Huwa sostna li 1% tal-impjegati fil-qasam tas-saħħa huma infettati bil-Covid-19. Chris Fearne spjega li dawk il-frontliners li qed iħabbtu wiċċhom ta’ kuljum ma’ persuni nfettati bil-Coronavirus kollha ngħataw PPEs – minkejja d-diversi rapporti li numru ta’ kmamar tal-aħbarijiet qed jirċievu li mhux kull infermier jew mediku li qed jaffaċċjaw il-pandemija qed jingħataw l-ilbies protettiv.

Irridu nitgħallmu minn dan iż-żmien – mhux ser immoru lura għal li konna

Il-Ministru sostna li dawk il-mediċi u infermiera li preżentament mhux suppost qed iħabbtu wiċċhom mal-epidemija, minkejja ż-żieda fl-asintomatiċi, mistennija jingħataw l-ilbies protettiv fil-ġimgħat li ġejjin.

Huwa saħaq li s-sodod u r-riżorsi għandhom bżonn jiżdiedu, l-għaliex minkejja li numru ta’ operazzjonijiet ġew posposti; fosthom dawk minuri u ankè proċessi tal-IVF – hemm operazzjonijiet li ma jistgħux ikunu posposti b’mod indefinit bħal dawk relatati ma’ problemi kardijaċi.

Chris Fearne sostna li poplu f’saħħtu jġib ekonomija tajba – u għaldaqstant biex ir-rota ekonomika ta’ Malta terġa’ tibda ddur irridu noħorġu mill-impatt li ser tħalli l-pandemija fuq pajjiżna, inkluż fis-saħħa mentali. Huwa saħaq li żieda ta’ rapporti rigward is-saħħa mentali huwa riżultat li jiġu mal-miżuri kontra l-epidemija u għalhekk twaqqaf helpline sabiex jgħin lil dawn il-persuni.

Huwa saħaq li ġaladarba li noħorġu minn din il-pandemija żgur li mhux ser immoru lura bħal ma konna xahrejn ilu. Chris Fearne insista li Malta u ‘l bqija tal-globu rridu nitgħallmu minn dan iż-żmien l-għaliex kawża tal-globalizzazzjoni, l-epidemiji ser ikomplu jiżdiedu.

Il-Ministru spjega li s’issa m’hemmx għalfejn l-introduzzjoni uffiċjali ta’ lockdown, madanakollu jekk iċ-ċifri jkunu qed juru mod ieħor, il-Gvern ikollu jintroduċi miżuri eħrex.