Hekk kif kważi kollox waqaf, hekk kif ħafna minnha għafsu l-pedali tal-brejkijiet fuq ir-ritmu sfrenat li konna għaddejjin bih qabel il-wasla ta’ dal-virus li ħarbat id-dinja, fost l-affarijiet li baqgħu jiffjorixxu hemm l-arti – fosthom il-mużika.
L-Orkestra Filarmonika Nazzjonali nediet l-ewwel minn 4 videos mużikali interpretazzjoni tas-silta oriġinali tal-U2, Where the streets have no name b’xeni ta’toroq vojta fil-Belt Valletta.
Mużiċisti minn madwar id-dinja qed jużaw dan iż-żmien mhux biss biex ikomplu jirfinaw it-talenti tagħhom, imma anke biex jaqsmuhom mal-pubbliku. Ħafna qed itellgħu posts fuq il-media soċjali, bħalma qed jagħmlu f’pajjiżna l-arpista Lydia Buttigieg, u l-vjolinist George Curmi l-Puse fost l-oħrajn.
Minbarra posts ta’ mużiċisti, fuq il-media soċjali qed naraw ukoll posts oħra ta’ artisti varji, biċċiet ta’ arti fosthom tpinġjiet u skulturi.
Artisti magħrufa bhal James Vella Clark, Johanna Barthet u l-iskultur Antoine Farrugia, huma fost dawk li qed jużaw dawn iż-żminijiet biex joħolqu biċċiet ta’ arti influwenzati anke minn dan il-perjodu.
L-awtur Ġorġ Mallia fl-aħħar jiem nieda ktieb bl-isem L-Avventuri ta’ Melanie u Karl. Ktieb li huwa ħaseb li jpoġġi fuq Facebook biex b’hekk għamlu disponibbli għal kull min jixtieq jaqrah.
Imma minbarra l-ħolqien ta’ arti ġdida rajna wkoll l-arti klassika tintuża biex twassal messaġġi importanti f’dawn iż-żminijiet.
Il-bniedem ilu sa mill-bidu taż-żminijiet juża l-arti biex jesprimi ruħu u l-aktar ħsibijiet intimi, min bi kliem, min biż-żebgħa, min permezz ta’ strument jew għodda, u żgur li l-arti hija wkoll terapija li tista’ tgħinna ngħixu ftit aħjar dan iż-żmien li l-ġenerazzjonijiet preżenti qatt ma għexu bħalu.
//= $special ?>