Ikomplu jiżdiedu s-sensji minn diversi kumpaniji f’Malta
Tul din is sena l-ekonomija ta’ Malta mistennija tonqos b’madwar 3%. Dan skont kif qiegħed jiġi mbassar mill-Fond Monetarja Internazzjonali wara li ġie spjegat li d-daqqa ekonomika, fil-maġġorparti tiegħha kawża tal-pandemija, ser twassal ukoll għal numru kbir ta’ sensji fil-gżejjer Maltin.
It-tbassir maħruġ mill-IMF wera li fl-aħjar xenarju possibli, il-qgħad f’pajjiżna mistenni jżid għal 5%, bil-Gross Prodott Domestiku jinżel b’madwar 5% ukoll.
Madanakollu, wieħed irid jikkunsidra li dawn il-kalkoli qed jiproġettaw l-aħjar sitwazzjoni possibbli; jiġifieri li l-pandemija titmewwet mat-tieni nofs ta’ din is-sena, ċioe’ sa Ġunju. Dan ifisser li l-kalkoli tal-IMF ma jqisux xenarju li l-imxija tissokta wara s-sajf, jew allaħares qatt tolqot lill-globu t-tieni mewġa tal-firxa qabel ma jinstab vaċċin.

Ta’ min wieħed jinnota wkoll li għal Malta, it-turiżmu huwa wieħed mis-setturi l-aktar kruċjali. U għalhekk, jekk il-pandemija ittawwal se jkun hemm riperkussjonijiet akbar.
Minkejja li t-tnaqqis ta’ 2.8% ta’ Malta huwa żgħir meta kkumparat mal-bqija tal-Ewropa, xorta waħda qed ikun imbassar li sabiex inqumu fuq saqajna rridu nagħmlu dan bħala kontinent, flimkien.

Fl-aħħar 24 siegħa, sirna nafu fost oħrajn li l-Medavia għalqet il-bibien tagħha għal dak li għandu x’jaqsam ma’ flight operations wara aktar minn 40 sena topera f’pajjiżna. Dan iffisser li tkeċċew 20 bdot u 5 membri tal-ekwipaġġ.
Fi stqarrija, il-kumpanija Medavia sostniet li l-effett ta’ COVID-19 kellu impatt diżastruż u ma kellhomx triq oħra ħlief li jieħdu din il-miżura drastika u jkeċċu lill-ħaddiema. Minkejja dan, l-operazzjonijiet ta’ manutenzjoni u immaniġġjar se jkomplu f’Medavia Technics.
Fl-ewwel ġimgħa biss ta’ din il-kriżi, Jobsplus kien diġa’ irċieva kważi 300 avviż ta’ sensji.
Postijiet tax-xogħol li s’issa għal xi raġuni jew oħra għadhom miftuħa – fosthom fabbriki – qed iħaddmu lill-impjegati tagħhom fuq bażi ta’ 3 jew 4 day week; deċiżjoni li żgur mistennija tħalli mpatt fuq il-pagi tal-impjegati fl-aħħar tax-xahar.
L-IMF sostniet li t-tbassir għal din is-sena huwa mifni bl-inċertezzi, għax din is-sitwazzjoni ta’ kriżi hi waħda nstabbli ħafna. Dan filwaqt li l-esperti ammettew ukoll li ankè fil-każ li l-pandemija tiġi risolta lejn it-tieni nofs ta’ din is-sena, wieħed irid jara x’ser tkun ir-reazzjoni tan-nies.
//= $special ?>