Futbol Sport

L-eks kowċ nazzjonali ta’ Malta Dušan Fitzel illum jagħlaq 57 sena

(Ritratt: Guido Farrugia)

15 TA’ APRIL 1963

Illum il-kowċ Dušan Fitzel jagħlaq 57 sena. F’pajjiżna, Fitzel jibqa’ magħruf bħala wieħed mill-aktar kowċis li kiseb riżultati pożittivi bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti. Hu kien fil-kariga bejn Jannar tal-2006 u Ġunju tal-2009 bħala s-suċċessur ta’ Horst Heese.

L-ewwel ħdax magħżula minn Dusan Fitzel fl-ewwel logħba tiegħu (Ritratt: Guido Farrugia)

Id-debutt fit-tmexxija tat-tim Malti wasal fil-25 ta’ Frar b’telfa ta’ 2-0 kontra l-Moldova. Wara sitt telfiet fl-ewwel sitt logħbiet, Malta kisbet l-ewwel rebħa taħt it-tmexxija tiegħu. Kien fil-11 ta’ Ottubru tal-2006 meta fl-Istadium Nazzjonali, Malta rebħet 2-1 kontra l-Ungerija b’doppjetta ta’ Andrè Schembri f’logħba mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew.

L-azzjoni tat-tieni gowl Malti kontra l-Ungerija (Ritratt: Guido Farrugia)

Fost riżultati oħra pożittivi miksuba, fi Frar tal-2007 ukoll f’Ta’ Qali, Malta spiċċat 1-1 kontra l-Awstrija f’partita ta’ ħbiberija. F’Marzu t-tim Malti kiseb draw ta’ 1-1 kontra l-Moldova. Ftit jiem wara, Malta laqgħet liċ-champions Ewropej f’dak iż-żmien il-Greċja. Minkejja sforz kbir, Malta kienet megħluba minn penalty lejn nofs it-tieni taqsima.

Partita oħra li tibqa’ memorabbli taħt it-tmexxija ta’ Fitzel kienet fit-8 ta’ Settembru tal-2007 bi draw ta’ 2-2 kontra t-Turkija f’partita mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew. Dakinhar skorjaw Brian Said u Andre Schembri.

Ivan Woods fl-azzjoni kontra t-Turkija (Ritratt: Guido Farrugia)

Taħt Dušan Fitzel, Malta kisbet l-akbar rebħa fl-istorja. Fis-26 ta’ Marzu tal-2008, Malta rebħet 7-1 f’partita ta’ ħbiberija kontra Liechtenstein, b’Michael Mifsud jiskorja ħames gowls f’dik il-logħba. Fitzel mexxa lit-tim nazzjonali għal 36 logħba, b’total ta’ tliet rebħiet u erba’ draws filwaqt li ġew skorjati 22 gowl.

Michael Mifsud jiskorja wieħed mill-ħames gowls kontra l-Liechtenstein (Ritratt: Guido Farrugia)