Fid-dawl tas-sitwazzjoni li ninsabu fiha, il-kantawtriċi Miriam Christine ħasset il-bżonn li tagħmel kuraġġ lil ħafna u ħafna nies hemm barra li jinsabu f’darhom imbeżża, u għaldaqstant nediet il-kanzunetta “Kuraġġ”, fuq kliem u mużika tagħha stess.
Meħudha minn “Dil-Mara”, album ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti li Miriam Christine nediet li tmiem is-sena l-oħra, il-kanzunetta għandha ħoss partikolari, ħoss ferrieħi u allegruż ħafna u tmur lil’hinn mill-ħsejjes li smajna fil-kanzunetti: “Bi Ftit Kliem”, “Mill-Għatba ‘l Ġew” u “DilMara”. Jakkumpanja ‘l kanzunetta “Kuraġġ” huwa filmat mill-isbaħ, filmat li rawh aktar minn 40,000 pesuna, u li jinkludi diversi xenarji minn Malta u Għawdex, bil-ħsieb li għad jerġa’ jiġi dak iżżmien li jkollna l-opportunita’ li ngawdu ‘l pajjiżna flimkien mal-għeżiez tagħna.
Il-filmat u l-editjar kien xogħol Andrew Grech Iles minn Iles92 Videography. Mal-ippubblikajt tal-filmat, Miriam kitbet dan id-diskors; “Kuraġġ! Dawn il-jiem xi darba jridu jgħaddu. Imma għalissa hemm bżonn li nieħdu paċenzja, nissaportu, insibu wens f’dawk l-iktar qrib tagħna ġo djarna u nsiru nafuhom u nħobbuhom ftit aħjar.”
“Ejja nitgħallmu delizzji u affarjiet ġodda u nużaw dan il-ħin li ġie mogħti lilna biex insibu dik il-paci li forsi s’issa qatt ma stajna nsibu.”
Jekk tixtiequ tiksbu kopja tal-album “Dil-Mara” li fih issibu il-kanzunetta “Kuraġġ” kif ukoll ilkanzunetti li ġew mnedija qabel; “Dil-Mara”, “Mill-Għatba ‘l Ġew” u “Bi Ftit Kliem”, dan tistgħu tagħmluh onlajn fuq siti digital bħal iTunes, Amazon, Deezer, Apple Music, u Spotify kif ukoll filħwienet ewlenin tal-mużika: D’Amato Records, Exotique u Olimpus Music. Għal aktar informazzjoni idħlu fuq www.dil-mara.com.mt, kif ukoll fuq il-paġni soċjali ta’ Miriam Christine fuq Facebook, Twitter, u Instagram.
//= $special ?>