Anke jekk f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida, il-futbol Malti hu wieqaf u ma nafux meta se jitkompla, kawża tal-COVID-19, l-aġenzija tal-aħbarijiet u programmi televiżivi dwar il-futbol lokali, Replay qed taħtaf din l-opportunitá biex twassal skeda ta’ programmi televiżivi speċjali, filwaqt li tniedi servizzi ġodda fuq il-paġna tal-programm fuq Facebook.
Din il-ġimgħa, l-aġenzija Replay bdiet ixxandar bi prova u mingħajr skeda, programmi ta’ diskussjoni online, maħduma u miġbuda mid-djar, kemm tal-preżentatur tal-programm, Christian Micallef kif ukoll tal-mistiedna differenti li jipparteċipaw minn programm għall-ieħor. L-isem ta’ dan il-programm hu #stayhomereplay u f’temp ta’ madwar nofs siegħa, Micallef jitkellem ma’ mistieden differenti li hu parti mill-familja tal-futbol Malti. Fl-ewwel żewġ programmi, il-mistiedna kienu l-mistieden residenti tal-programm Replay tal-Ħadd, Konrad Sultana u l-President ta’ Sliema Wanderers, Keith Perry.
“Ridna noħolqu xi ħaġa differenti u interattiva, f’mument fejn il-futbol hu wieqaf iżda d-diskussjoni u l-aħbarijiet marbuta mal-futbol Malti, jibqgħu ħajjin u bl-abbundanza. Ix-xahar li għadda kellna nieqfu mill-format kif inhu magħruf ta’ Replay tal-Ħadd filgħaxija, anke għaliex ridna nipproteġu s-saħħa tagħna u ta’ ħaddieħor. Għalhekk biddilna l-format tal-programmi televiżivi tagħna, b’enfasi kompletament fuq servizzi popolari mill-passat ta’ Replay u tal-futbol lokali. Dan il-format kien suċċess istantanju iżda konna qed nindunaw li t-telespettaturi tagħna kienu qed iħossu n-nuqqas tad-diskussjoni kif nafu nagħmluha aħna, b’stil partikolari u li hu mfittex minn dawk li jħobbu l-futbol Malti. Għalhekk ħloqna programm apposta fuq Facebook, miġbud mid-djar rispettivi tagħna, daqs li kieku qegħdin fl-istudio. Din il-ġimgħa bdejna nesperimentaw b’dan il-proġett, fil-fatt lanqas biss għamilna promozzjoni qabel kull programm. Ir-rispons tal-pubbliku sportiv kien wieħed kbir u li ma kontx qed nistennih,” qal Christian Micallef, producer eżekuttiv ta’ Replay.
Minn nhar it-Tnejn, 20 t’April, Replay se jkun qed jibda jxandar dan il-programm awdjo-viżiv fuq Facebook #stayhomereplay bi skeda u tliet darbiet fil-ġimgħa; nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u s-Sibt, dejjem fil-ħin tal-10:15pm fuq il-paġna ta’ Replay fuq Facebook. Kull programm se jkun twil madwar 30 minuta u matulu, Micallef se jkun qed jitkellem u jintervista personalitajiet differenti mill-kamp tal-futbol lokali; kemm uffiċjali tal-MFA u tal-klabbs, kowċis, plejers, referees u saħansitra partitarji. Ma jistax jonqos li l-programm ma jkollux ukoll il-parteċipazzjoni ta’ membri mit-tim ta’ Replay kif ukoll ta’ ġurnalisti u opinjonisti oħra tal-futbol Malti.
Micallef jgħid li l-għan ta’ dan il-programm ġdid u mmfassal apposta għal fuq il-media soċjali hu dak ta’ informazzjoni għad-dilettanti kollha tal-futbol Malti. “Nifhmu li s-sitwazzjoni li qed ngħixu bħalissa waslet biex naqsu l-programmi sportivi lokali, speċjalment id-diskussjoni. L-istazzjonijiet televiżivi lokali qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet u sfidi finanzjarji kbar. L-istess aħna bħala aġenzija li nipproduċu l-programmi fuq Net Television. Madankollu bħala l-persuna li mmexxi din l-aġenzija, qed nagħżel li nilqa’ għal din l-isfida billi nsaħħu l-kwalitá tas-servizz offrut fuq it-televiżjoni u nippreżentaw affarijiet ġodda, bħal fil-każ ta’ #stayhomereplay apposta u b’mod speċifiku għal paġna tagħna fuq Facebook. B’dan il-mod qed inkunu kompetittivi u nibqgħu relevanti fiż-żminijiet diffiċli u fejn ħafna oħrajn li jinsabu fl-istess industrija bħal tagħna, qed jagħżlu li jieħdu pawża mill-ħidma tagħhom u jwaqqfu jew inaqqsu mill-ħidma tal-programmi jew tas-servizz offrut minhom. Aħna bil-kontra. Konvint li t-telespettaturi qed japrezzaw dan,” temm jgħid Micallef.
//= $special ?>